Il-Fondazzjoni Valletta 2018, bil-kollaborazzjoni tal-Mercedes-Benz Malta Fashion Week, ħabbret li l-belt Valletta ser toffri esperjeza unika għal eluf ta’ nies li se jkollhom l-opportunità jżuru postijiet storiċi fil-belt Valletta għall-avvenimenti tal-moda, mid-9 sal-15 ta’ Mejju.
Fid-diskors tiegħu waqt konferenza tal-aħbarjiiet dalgħodu ġewwa Palazzo de La Salle, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef, qal “Din hi t-tieni sena li avvenimenti tal-Malta Fashion Week qed isiru fil-belt Valletta bħala parti mill-Programm Kulturali tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.”
Il-Malta Fashion Week ila tiżviluppa numru ta’ snin u torbot flimkien aspetti ekonomiċi u artistiċi waqt li tpoġġi l-industrija Maltija tal-moda fuq il-mappa internazzjonali. Din hija prova li proġetti ta’ dan it-tip huma sostenibbli u li se jibqgħu jsiru anke wara s-sena 2018.
“Il-moda, bħal kwalunkwe forma ta’ arti, hi industrija kreattiva li qed tikber f’Malta,” qal il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici. “Il-Manifest Elettorali jinkludi żewġ miżuri fuq is-settur tal-moda u b’mod partikolari l-promozzjoni tat-talent lokali. Għalhekk il-gvern hu determinat biex jara s-settur jikber f’industrija b’saħħitha.”
Il-Produttur Eżukuttiv tal-Malta Fashion Week, Adrian J. Mizzi spjega il-programm tal-avvenimenti fid-dettal waqt li nnota li l-postijiet fejn se jkunu qed jittellgħu l-isfilati jinkludu l-lift tal-Barrakka ta’ Fuq f’Lascaris, Triq l-Ordinanza, il-Palazz, Palazzo de La Salle, Dar il-Mediterran, u l-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija.
Hu nnota li l-edizzjoni tal-2014 tal-Malta Fashion Week ġiet rrappurtata f’aktar minn 40 gazzetta internazzjonali u sit elettroniku. L-interess mill-ġurnalisti, bloggers u fotografi kif ukoll disinjaturi tal-moda, kiber sostenzjalment din is-sena. Total ta’ 32 disinjatur, inkluż seba’ disinjaturi internazzjonali, se jieħdu sehem fil-Malta Fashion Week.
Issa fil-ħamest edizzjoni tagħha, il-Mercedes-Benz Fashion Week Malta 2015 tiggarantixxi li se tkun gimgħa mimlija avvenimenti u sfilati tal-moda ta’ kwalita għolja li jilħqu l-livelli ta’ avvenimenti simili f’ibliet mgħarufa għall-moda.
Il-belt Valletta se tkun qed tesebixxi l-aħjar talent Malti fl-industrija tal-moda, minn disinjaturi sa mudelli, stilisti tax-xagħar u artisti tal-make-up, fotografi, bloggers, kittieba u fashionistas.