B’kollaborazzjoni ma’ Inizjamed, Poetry on Film jgħaqqad l-immaġni tiċċaqlaq mal-letteratura rikka ta’ Malta permezz tal-adattament ta’ poeżiji Maltin f’films qosra. Dan il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa s-setturi tal-poeżija u tal-film f’Malta permezz tat-taħriġ, kif ukoll permezz tal-ikkummissjonar u l-esportazzjoni ta’ films tal-poeżija qosra li jidhru għall-ewwel darba fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.
Wara seminar li sar aktar kmieni din is-sena, ġew magħżula żewġ poeżiji; “Relazzjoni” ta’ Maria Grech Ganado u “Fuq Għoljiet Dingli” ta’ Victor Fenech. Tliet produtturi tal-films emerġenti ġew magħżula biex jivviżwalizzaw iż-żewġ poeżiji msemmija. “Relazzjoni” ta’ Grech Ganado ġiet prodotta minn Nicky Aquilina u Lyanne Mifsud, filwaqt li “Fuq Għoljiet Dingli” ta’ Fenech se tiġi ppreżentata minn Trevor Borg. Iż-żewġ produzzjonijiet poġġew il-poeżiji fil-qalba tal-films qosra tagħhom.
Victor Fenech, awtur ta’ “Fuq Għoljiet Dingli”, se jidher fil-produzzjoni u se jservi ta’ katalist għal dak li jkun ġej matul il-film. Kull vers tal-poeżija mistenni li jakkumula l-ħin u d-distanza li jintwerew billi jidher Fenech miexi f’Ħad Dingli. B’kull pass li jagħmel, aktar u aktar mill-poeżija tiġi żvelata lil min qed jara l-film.
Min-naħa l-oħra, id-dekadenza hija t-tema ewlenija għat-tieni produzzjoni, li hija interpretata b’mod spettakolari minn Mifsud u Aquilina għall-poeżija ta’ Grech Ganado. Din l-idea ta’ indulġenza eċċessiva hija murija permezz ta’ xeni li jinvolvu l-ħajja ta’ kuljum li jaslu għal punt tal-qofol, immexxi mit-ton u mit-temperament. Il-film isegwi l-ideoloġija ta’ ċirku, li jieħu lil min qed jara l-film lura għall-punt tat-tluq.
Din se tkun ir-raba’ darba li Valletta 2018 se tkun involuta fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. B’kollaborazzjoni ma’ Inizjamed, Valletta 2018 toffri l-opportunità lill-artisti biex jikkolaboraw u joħolqu f’firxa wiesgħa ta’ dixxiplini artistiċi u midja bl-element tal-poeżija, li jipprovdu lill-artisti żgħażagħ b’opportunitajiet ġodda għall-esperimentazzjoni. Iż-żewġ films, li jiffurmaw parti mill-proġett Poetry on Film, se jiġu murija matul il-Festival f’Awwissu fil-Forti Sant’Iermu mit-8pm ’il quddiem.
Relazzjoni se jintwera l-Ħamis 24 ta’ Awwissu
Fuq Għoljiet Dingli se jintwera l-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu