‘Il-Ħanina Maddalena’, musical ġdid li jirrakkonta l-istorja tas-sorijiet tal-Ordni ta’ Marija Maddalena tal-Belt Valletta, se jitnieda fit-18 ta’ Lulju bħala parti mill-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta International Arts Festival.
Il-musical, li huwa ispirat minn fatti veri, jgħid l-istorja ta ‘wieħed mis-sigrieti moħbija tal-Belt Valletta, is-sorijiet ta’ Marija Maddalena. Ibbażat fis-seklu tmintax, isegwi l-istorja ta’ tliet “verginelle” li jingħaqdu mal-monasteru ta’ Santa Marija Maddalena. Illum, il-kappella ċkejkna fi Triq Merkanti fil-Belt Valletta hija waħda mill-ftit tifkiriet ta’ din l-ordni, li ispirat l-istorja wara “Il-Ħanina Maddalena”.
Dan il-musical se jintwera għall-ewwel darba fit-18 ta’ Lulju fi Pjazza Teatru Rjal. Aktar wirjiet isegwu fl-20, 21, 22, 25, 26, 27, 28 u 29 ta’ Lulju.
“Il-Ħanina Maddalena” hu miktub minn Simon Bartolo u Loranne Vella, b’mużika ta’ Dominic Galea u koreografija ta’ Dorian Mallia u Diane Portelli, taħt id-direzzjoni ta’ Josette Ciappara. Se jieħdu sehem aktar minn ħamsin artist u bosta personalitajiet magħrufa inklużi Chiara, Amber, Leontine u Dorothy Bezzina.
‘Il-Ħanina Maddalena’, li huwa parti mill-Malta International Arts Festival, huwa kkummissjonat minn Valletta 2018 u Festivals Malta, u bl-appoġġ ta’ PBS Malta, il-Malta Film Commission u l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Biljetti jistgħu jinkisbu minn www.ilhanina.com. Dawk li jixtru l-biljetti matul Ġunju ser igawdu minn tnaqqis ta’ €5. Għal aktar tagħrif ċempel fuq 2339 7000.