Ir-raħal pittoresk tal-Mellieħa se jospita serata ta’ mużika Torka kontemporanja mħallta ma’ ħsejjes oħra minn madwar id-dinja fit-13 ta’ Lulju, hekk kif il-Bosphorus Quartet ta’ Burhan Öçal se jdoqqu biċċiet mużikali bi stil etniku f’Misraħ iż-Żjara ta’ Papa Ġwanni Pawlu II. Dan l-avveniment huwa parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.
Permezz ta’ siltiet adattati apposta għall-okkażjoni, il-Bosphorus Quartet ta’ Burhan Öçal se jġib taħlita mużikali mlewna ta’ kompożizzjonijiet Torok kontemporanji flimkien ma’ biċċiet internazzjonali lejn il-Mellieħa.
Il-mużiċist Malti Chris Tanti, wieħed mill-aqwa kitarristi lokali li jispeċjalizza fit-teknika ‘fingerstyle’, se jagħti l-wirja tiegħu wkoll matul il-lejl fejn se jdoqq is-sett tal-ftuħ.
Burhan Öçal huwa perkussjonist u multi-instrumentalist Tork li huwa magħruf internazzjonalment fil-qasam tal-mużika jazz u l-ħsejjes ta’ madwar id-dinja. Huwa mistieden regolari f’festivals ewlenin tal-jazz madwar id-dinja, u espona ruħu wkoll f’ diversi kunċerti.
Il-missjoni ta’ Öçal hija li jgħaqqad ġeneri u tradizzjonijiet kulturali differenti permezz tal-mużika biex joħloq ħoss uniku u kontemporanju. Flimkien mal-Bosphorus Quartet, Öçal jippreżenta mużika mimlija ħsejjes etniċi b’togħma distintament Mediterranja.
Dan il-kunċert se jsir fit-13 ta’ Lulju fit-8pm, f’Misraħ iż-Żjara ta’ Papa Ġwanni Pawlu II, il-Mellieħa. Biex tibbukkja l-biljetti tiegħek u għal aktar informazzjoni żur is-sit www.valletta2018.org.
Dan l-avveniment hu organizzat mill-Fondazzjoni Valletta 2018 b’kollaborazzjoni ma’ Chris Tanti u bl-appoġġ tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-Pergola Hotel and Spa.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta