Naqsam il-MUŻA, inizjattiva ta’ Heritage Malta b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018 u Malta Freeport Terminals Ltd., issa waslet ukoll f’Birżebbuġa.
Naqsam il-MUŻA hu proġett fejn membri tal-komunità jagħżlu biċċiet tal-arti mill-kollezzjoni nazzjonali li jixtiequ jaqsmu fil-lokalitajiet tagħhom f’Malta u Għawdex. Dan il-proġett issa jinsab f’Birżebbuġa, b’kollaborazzjoni mal-ħaddiema u l-amministrazzjoni tal-Malta Freeport Terminals Ltd.
Naqsam il-MUŻA f’Birżebbuġa hu proġett li serva bħala eżerċizzju għal grupp ta’ parteċipanti li huma kollha ħaddiema tal-Port Ħieles u li ġejjin minn diversi dipartimenti, fosthom dawk tal-operazzjonijiet, ir-reklamar, l-ippjanar tal-vapuri u l-kontejners, ir-riżorsi umani, l-investigazzjonijiet u s-sorveljanza, is-saħħa u sigurtà, l-inġinerija mekkanika u l-manutenzjoni elettrika. Kull parteċipant kellu l-opportunità li jagħżel biċċa arti, li mbagħad tiġi ppreżentata lill-kollegi, ħbieb u membri tal-familja. Riproduzzjonijiet tal-biċċiet tal-arti magħżula ġew esibiti fuq il-post tax-xogħol tagħhom kif ukoll fi spazji pubbliċi tal-għażla tagħhom.
Ħamsa mill-għaxar riproduzzjonijet se jiġu installati fl-uffiċini tal-Port Ħieles, erbgħa se jitqassmu madwar il-komunità ta’ Birżebbuġa billi jiġu esibiti fil-Kunsill Lokali, l-iskola primarja, is-sala tal-parroċċa, u l-M.U.S.E.U.M. tas-subien, u l-aħħar waħda se titpoġġa ħdejn il-baħar faċċata tal-Bajja s-Sabiħa.
Din hi t-tieni esperjenza fejn Naqsam il-MUŻA kellha ċ-ċans li taħdem flimkien ma’ komunità attiva, wara li l-ewwel esperjenza kienet mal-Università ta’ Malta, fejn l-istudji u x-xogħol tal-parteċipanti kien il-fattur li għaqqad il-proġett flimkien. Din l-edizzjoni partikolari ppreżentat l-għażliet ta’ tmien parteċipanti, inkluż student, gradwat ġdid, il-Pro-Rettur għall-affarjiet tal-istudenti u l-impjegati, librar akkademiku, speċjalista tal-informatika, beadle, precincts officer u barista. Is-selezzjoni ta’ biċċiet tal-arti, li tinkludi l-kummenti ta’ kull membru tal-komunità, ġiet installata f’diversi postijiet fuq il-kampus.
Għal iżjed informazzjoni dwar il-proġett u l-postijiet li qed jipparteċipaw żur il-blog ta’ MUŻA http://muza.heritagemalta.org/nim/.