Naqsam il-MUŻA, il-proġett li jistieden membri tal-komunitajiet f’Malta u Għawdex sabiex jagħżlu xogħlijiet artistiċi mill-kollezzjoni nazzjonali tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti u jesibuhom fi spazji pubbliċi fil-belt jew raħal tagħhom. Issa jmiss lill-Marsin u l-Kalkariżi.

Fuq kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Proġett MUŻA, din l-inizjattiva hija eżerċizzju ieħor fil-“kura mill-komunità”. Dan hekk kif membri ta’ komunitajiet involuti, jesebixxu xogħlijiet artistiċi tal-kollezzjoni ġewwa l-lokalità tagħhom. Il-proġett huwa parti mill-vjaġġ lejn l-2018, meta l-Belt Valletta ser tkun qed tħaddan it-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura. Fl-istess sena, MUŻA ser jiftaħ il-bibien tiegħu.

L-edizzjoni tal-proġett fil-Marsa tinvolvi 11-il parteċipant mill-istess komunità. L-għażla finali, flimkien mal-kummenti ta’ kull parteċipant, bħalissa tinsab installata f’postijiet varji mal-Marsa kollha. Dawn jinkludu: iz-zuntier tal-Knisja ta’ Marija Reġina, il-Klabb tal-Banda Marija Reġina, il-Kwartieri Ġenerali tal-Iscouts tal-Marsa, iċ-Ċentru għat-tfal żgħar il-Pespus Smart Kids, Triq Balbi, l-Għaqda Storika u Kulturali Marsa, il-Klabb tar-Regatta, il-Kunsill Pastorali Parrokkjali Trinità Qaddisa, l-Open Centre tal-Marsa, Triq Prince Albert, id-daħla tal-Korsa taż-Żwiemel u l-Kumpless tal-Isports tal-Marsa minn ħdejn il-kanċell sat-trekk tal-atletika.

Fil-Kalkara, is-seba’ membri mill-komunità magħżulin ipproponew xogħlijiet artistiċi li huma installati, flimkien mal-kummenti ta’ kull pateċipant, fil-Kappella tas-Salvatur, fil-Kunsill Lokali, fil-Klabb tal-Banda Circolo S. Giuseppe – Sagra Familja, fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali, ix-xatt, D Kalkara Regatta Restaurant, u fl-intrata tal-iskola primarja.

L-istallazzjonijiet fil-Kalkara u l-Marsa ser jibqgħu esibiti sal-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu. Il-lokalità li jmiss ser tkun il-Gżira.

L-ewwel stallazzjoni ta’ Naqsam il-MUŻA saret il-Belt Valletta f’Marzu illi għadda fejn intwerew 10 xogħlijiet artistiċi mal-belt kollha. L-għażla tal-komunità tal-Belt Valletta se jkunu esibiti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti f’Settembru. Is-sit l-antik tal-mużew se jagħlaq il-bibien għall-aħħar darba wara din l-edizzjoni ta’ Notte Bianca, li se ssir is-Sibt 1 ta’ Ottubru 2016.

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Heritage Malta jixtiequ jirringrazzjaw lill-parteċipanti kollha u lill-kontributuri li ssapportjaw dan il-proġett.  Iktar informazzjoni dwar dan il-proġett hi disponibbli fuq is-sit ta’ Valletta 2018 www.valletta2018.org, MUZAblog http://muza.heritagemalta.org/, is-sit ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org,  jew fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti https://www.facebook.com/NFAMalta/.