Numru ta’ stabbilimenti tal-ikel u x-xorb f’pajjiżna ġew ċertifikati bħala ħwienet sostenibbli, fi sforz immirat lejn is-sostenibbiltà fit-tul fis-settur tal-ospitalità lokali.

Il-ħwienet jiffurmaw parti min-netwerk il-ġdid bl-isem ta’ Sustainable Eats & Treats – inizjattiva li bdiet fl-2018 mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u Global Green Events.

Dawn jinkludu The Grassy Hopper, Theobroma, Alchemy Bar, Sanya Health Spa, Coffee Circus Tigne, Crudo, u La Vida. Bħalissa, aktar ħwienet qed jaħdmu biex huma wkoll jimplimentaw miżuri ta’ sostenibbiltà, u se jkunu qed jissieħbu fin-netwerk aktar tard din is-sena.

Il-pubbliku jista’ jaċċessa l-lista dejjem tikber ta’ Sustainable Eats & Treats permezz ta’ direttorju onlajn formalizzat minn Global Green Events, li jinsab fuq www.sustainableeatsandtreats.com.

Billi dan l-aħħar it-tniġġis tal-plastik u l-immaniġġjar tar-riżorsi huma suġġett ewlieni fid-diskussjonijiet ambjentali lokali, din il-kollaborazzjoni għandha l-għan li tippromwovi bidla pożittiva fis-settur, billi tiżgura li l-istabbilimenti li jiffurmaw parti min-netwerk Sustainable Eats & Treats jieħdu passi lejn is-sostenibbiltà fil-ħidma ta’ kuljum tagħhom.

Dan jinkludi l-eradikazzjoni ta’ plastik li jintuża darba biss, l-użu ta’ sistemi għall-mili mill-ġdid tal-ilma, l-implimentazzjoni ta’ sistemi għat-tnaqqis ta’ ppakkjar żejjed, sistemi ta’ riċiklaġġ, inizjattivi li permezz tagħhom il-konsumaturi jistgħu jużaw il-kontenituri tagħhom, l-użu ta’ prodotti tat-tindif  bijodegradabbli, għażla ta’ ikel tajjeb għas-saħħa kif ukoll tejiet u kafejiet li ġejjin minn kummerċ ġust jew organiku, fost inizjattivi oħra.

Filwaqt li Sustainable Eats & Treats tnediet f’Novembru li għadda waqt il-Malta Social Impact Awards, l-inizjattiva bdiet fil-bidu tal-2018, meta l-Fondazzjoni Valletta 2018 ikkollaborat ma’ Global Green Events biex tniedi sejħa għal ristoranti u bars interessati li joffru servizz aktar sostenibbli.

Il-proċess kien jinvolvi żjarat fuq il-post fil-ħwienet interessati, li matulhom ġew evalwati l-operat u s-servizz kurrenti ta’ kull stabbiliment. Global Green Events imbagħad ipprovdiet rapporti dettaljati li identifikaw l-oqsma fejn setgħet issir bidla għal impatt pożittiv tanġibbli.

L-immaniġjar tar-riżorsi sostenibbli u l-promozzjoni ta’ bejjiegħa u negozji sostenibbli huma parti integrali mill-politika ta’ sostenibbiltà tal-Fondazzjoni Valletta 2018, li għandha l-għan ewlieni li tħalli legat f’dan il-qasam. Is-sejħa għal ħwienet interessati kienet waħda mill-inizjattivi meħuda fl-2018 bħala parti minn din il-politika.

Flimkien mal-isforzi lejn is-sostenibbiltà u l-edukazzjoni ambjentali li l-Fondazzjoni għamlet waqt avvenimenti organizzati fi ħdan il-Programm Kapitali Ewropea tal-Kultura, kif ukoll il-proċeduri interni sostenibbli tagħha, in-netwerk Sustainable Eats & Treats se jibqa’ parti mil-legat ta’ Valletta 2018 għall-benefiċċju tal-komunità.

Għal aktar informazzjoni dwar in-netwerk, ħwienet li dalwaqt se jkunu parti minnu u blogs edukattivi, segwi l-paġna Sustainable Eats & Treats fuq Facebook u Instagram.

L-inizjattiva Sustainable Eats & Treats għandha l-appoġġ tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Bidla fil-Klima kif ukoll tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.