Is-Sibt favorit tal-Belt reġa’ żvolġa bi kbir din is-sena. 100 attività. ’Il fuq minn 1,000 parteċipant kreattiv. Aktar minn 70,000 viżitatur ħa sehem fl-akbar avveniment kulturali tal-Belt. In-Notte Bianca ta’ din is-sena rritornat akbar minn qatt qabel.
In-Notte Bianca issa saret parti mill-kalendarju kulturali Malti. Kull sena Maltin u barranin ta’ kull età jżuru l-belt kapitali biex igawdu l-atmosfera unika maħluqa mill-kreattività enerġetika tal-għexieren attivitajiet artistiċi, il-ġemgħat tan-nies minn kull fazzjoni tal-ħajja, l-għaqda permezz tal-gastronomija u ovvjament l-istorja u l-wirt rikk tal-Belt. L-approċċ ħolistiku tal-festival lejn l-arti u l-kultura jpoġġi lill-Belt u l-attributi singulari taħt il-lenti.
“Kburi bil-ħidma tat-tim ta’ Notte Bianca u l-parteċipanti ta’ din is-sena,” qal id-Direttur Artistiku Sean Buhagiar. “Mill-bidu kien hemm impenn serju minn kull min kien involut biex in-Notte Bianca ta’ din is-sena żgur toffri xi ħaġa ġdida u eċitanti. Daħħalna varjetà ta’ proġetti ġodda bl-installazzjonijiet tal-midja diġitali.
“Stedinna aktar artisti barranin magħrufin fosthom l-artisti awdjo-viżivi bbażati f’Pariġi, Nonotak. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li għamlu n-Notte Bianca ta’ din is-sena suċċess kbir ieħor. Nittama li nkomplu naħdmu bl-istess spirtu li nibqgħu naħsbu għal quddiem filwaqt li nibdew nħejju bil-mod għall-edizzjoni li jmiss. Nittamaw li nerġgħu narawkom magħna s-sena d-dieħla.”
Fost il-ħafna proġetti innovattivi din is-sena kien hemm Ġejja Dgħajsa. Il-proġett biddel lil Strada Stretta f’baħar ta’ dgħajjes tal-karti mwaħħlin ma’ bsaten metalliċi, li jiċċaqilqu u jitbandlu hekk kif tmisshom. Festa Festun, hi installazjoni tad-dawl interattiva, imsejsa fuq waħda mll-ikbar tradizzjonijiet Maltin marbuta mal-festi. Il-pubbliku tħalla jikkontrolla mal-1,000 bozza waħda waħda matul Triq ir-Repubblika biex b’hekk ħolqu effetti viżwali grandjużi ta’ movimenti u kulur.
Din is-sena n-Notte Bianca tellgħet għadd ta’ proġetti fil-komunità fosthom Serata Kamrata mmexxija minn Ċikku l-Poplu, li ħalla l-post aħjar milli sabu, li jimxi mal-iskop tal-festival.
Grazzi għal titjib fil-loġistika u tifrix permezz tal-midja soċjali wkoll għenu biex tittejjeb l-aċċessibbiltà għall-festival. Is-servizzi speċjali tad-dgħajjes mit-Tlitt Ibliet għall-Belt, ippermetta li Birgu, Bormla u l-Isla jiġu integrati fin-Notte Bianca. Waqt li l-użu ta’ streaming live fuq Facebook għen biex min ma setax jattendi xorta seta’ jsegwi l-aħjar tan-Notte Bianca eżatt xħin kienu qed jiġru l-attivitajiet.
Is-sena d-dieħla Malta ser tmexxi l-Presidenza tal-UE waqt li fl-2018 il-Belt Valletta ser tingħata t-titlu ta’ Kapitali Kulturali Ewropea. Dawn iż-żewġ unuri jiftħu l-possibbiltà li Malta turi l-kapaċità tagħha fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti għal udjenza aktar globali. Is-suċċees ta’ Notte Bianca 2016 huwa prova ta’ x’għandhom x’joffru pajjiżna u l-persuni involuti fil-qasam kreattiv lix-xena kulturali Ewropea. Juri wkoll għaliex il-Belt Valletta jistħoqqilha dawn l-unuri prestiġġjużi.