Notte Bianca tirritorna l-Belt Valletta b’mod spettakolari nhar is-Sibt 7 ta’ Ottubru bi programm imħejji b’reqqa mit-tim ta’ Notte Bianca flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, li jiġbor fih l-aspetti kollha mill-qasam kreattiv. Dawk li se jattendu l-festival jistgħu jistennew li jesperjenzaw fost l-aqwa mużika, żfin, teatru, arti viżiva, attivitajiet letterarji u arti diġitali. Tal-aħħar hu qasam emerġenti li Notte Bianca se tkompli tespandi fuqu wara li tat spinta fih is-sena li għadda. Dan l-avveniment se jkompli juża t-toroq u l-ispazji pubbliċi tal-Belt b’modi innovattivi u kreattivi, permezz ta’ taħlita ta’ proġetti maħdumin apposta għas-siti partikolari jew biex iduru t-toroq.
Dwar l-aċċessibbiltà ta’ Notte Bianca; il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali l-Onor. Owen Bonnici; spjega kif “dan l-avveniment annwali jibni fuq waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern li jagħmel il-kultura aċċessibbli għal kulħadd.” Minbarra dan, il-Ministru Bonnici sostna li “Notte Bianca qed tikkontribwixxi ekonomikament waqt li tagħti l-ħajja lill-belt kapitali tagħna, li għaddiet minn riġenerazzjoni matul dawn l-aħħar snin.”
Sean Buhagiar, li ilu Direttur Artistiku tal-festival mill-2013, qal li “Notte Bianca qed tkompli tikber fi pjattaforma akbar għal proġetti ta’ kwalità li jiddevertu lill-udjenzi differenti tagħna waqt li jittrattaw lill-Belt bħala belt miftuħa għall-kultura. Din is-sena nħossu li se jkollna biex nitpaxxew.”
Id-Direttur tal-Festivals Annabelle Stivala tkellmet dwar l-importanza li jiġi offrut varjetà ta’ divertiment u sostniet: “Il-forom kollha tal-arti se jingħataw l-importanza mistħoqqa matul dan l-avveniment annwali popolari. Notte Bianca hu avveniment uniku li jiċċelebra l-arti performattiva u l-belt innifisha permezz ta’ attivitajiet b’xejn għall-familja u skoperti oriġinali mal-kantunieri kollha tal-Belt.”
Numru ta’ artisti internazzjonali ġew mistiedna biex jieħdu sehem fil-festival ta’ din is-sena. Matul il-ġimgħa li twassal għal Notte Bianca, il-grupp teatrali ta’ fama mondjali LA FURA DELS BAUS se jagħtu workshop miftuħ għall-artisti u prattikanti tat-teatru f’Malta biex isiru jafu aktar dwar l-ispirtu kreattiv tal-grupp. Matul dan il-workshop intensiv, il-parteċipanti se jiżviluppaw materjal performattiv li se jintwera waqt Notte Bianca. Il-pubbliku mistieden iniżżel l-app biex jesperjenza dan ix-xogħol, li se jkun miftuħ għal 500 ruħ kull darba. Aktar tagħrif dwar dan fil-jiem li ġejjin.
Fost l-artisti barranin se jkun hemm ukoll varjetà wiesgħa ta’ artisti elettroniċi multinazzjonali fosthom ODED NIR, Above Smoke u The Floating Fluxman – li se jagħqdu t-talenti tagħhom f’NOTTE BLANK. Dan id-divertiment straordinarju jinkludi wirjiet mużikali u viżwali maħsuba apposta għall-festival. Artisti lokali se jkollhom l-opportunità li jingħaqdu u jikkollaboraw ma’ dawk barranin u jsibu mezzi kif iħalltu t-talenti tagħhom fi produzzjoni live li għandha l-għan tattira udjenzi ġodda lejn il-Piazza d’Armi li tinsab f’Forti Sant’Iermu.
Bi stil simili, id-dwett SPOTS & STRIPES se jtellgħu attività mhux tas-soltu permezz ta’ Disco Boċċi, fejn membri tal-udjenza se jkunu jistgħu jilagħbu b’boċċi mdawlin fl-isfond ta’ mużika disco.
Ammiraturi ta’ mużika Maltija se jkunu jistgħu jgawdu IL-KBIR GĦADU ĠEJ mit-tim ta’ KELMA KELMA NOTA NOTA li se jippreżenta mużika Maltija remixed minn DJs lokali.
Min jgħaddi minn Pjazza Repubblika se jkollu ċ-ċans jilmaħ l-għasafar f’AJRU, installazzjoni interattiva ta’ bosta oġġetti magħquda flimkien li jagħtu l-impressjoni li hi qatgħa għasafar li qed ittir. L-installazzjoni hi tal-Interactive Architecture Lab u hi ispirata mill-eluf ta’ nies li jidħlu fil-portijiet tal-Belt kull sena.
Ammiraturi tal-jazz se jkollhom il-pjaċir li jisimgħu lid-drummer rinomat Ingliż Clark Tracy, li se jingħaqad mal-pjanist Dominic Galea u l-band tiegħu fil-kunċert Sur Jazz. Il-band, flimkien mal-kantanta Nadine Axisa, se jdoqqu selezzjoni ta’ siltiet jazz magħrufa f’Victoria Gate. Fil-kunċert se jagħtu tribut speċjali lil-leġġenda tal-mużika Sammy Bartolo b’arranġament jazz ta’ wħud mill-aqwa kanzunetti tiegħu. U biex tinżamm it-tradizzjoni li Notte Bianca tiċċelebra artisti internazzjonali, din is-sena se jittella’ kunċert speċjali bl-isem Claire Tonna Tkanta Leonard Cohen, fejn il-kantanta Claire Tonna u l-band tagħha se jiċċelebraw il-ħajja u x-xogħlijiet tal-kantawtur Kanadiż Leonard Cohen, li ħalliena s-sena li għaddiet. Xogħlijiet ta’ artist internazzjonali ieħor li se jiġu ċċelebrati waqt il-festival huma ta’ Philip Glass mill-pjanista magħrufa Gabi Sultana.
Se jieħdu sehem ukoll numru ta’ għaqdiet u individwi kreattivi stabbiliti fosthom the rubberbodies collective, Inizjamed, Moveo Dance Company, Duo Kukkanja, George Curmi Il-Pusè, Late Interactive u Ġiżimina.
Notte Bianca se jkollha wkoll il-programm tradizzjonali fringe – Notte Bianca Atmosfera. Postijiet, ħwienet u spazji madwar il-Belt kollha se jkunu miftuħin sa tard billejl u jtellgħu l-attivitajiet tagħhom. Il-Palazz tal-Arċisqof se jkun miftuħ għall-ewwel darba waqt dan il-festival, waqt li l-Malta 5D Experience se tkun miftuħa għall-pubbliku b’xejn! Għal aktar tagħrif dwar l-attivitajiet kollha ta’ Notte Bianca, inkluż il-programm Atmosfera, żur www.nottebianca.org.mt. Sadattant għal darba oħra l-belt kapitali Maltija hi lesta biex tħaddan dan l-avveniment artistiku u kulturali.
Bil-Kapitali għall-Kultura 2018 wara biebna, it-tim ta’ Notte Bianca b’kollaborazzjoni mal-Fundazjzoni 2018 fittex l-ispirazzjoni fl-ambizzjonijiet tal-Kapitali Kulturali Ewropej biex jagħmlu lil Malta pjattaforma globali għall-eċċellenza artistika u l-proġetti fil-komunità.
“Matul is-snin Notte Bianca kisbet il-popolarità minħabba l-ħafna impenji sinifikanti u l-festival kien minn quddiem biex jagħmel il-kultura aktar aċċessibbli għal kulħadd,” spjega ċ-chairman ta’ Valletta 2018 Jason Micallef. “Valletta 2018 minn dejjem tat appoġġ kbir lin-Notte Bianca u kienet involuta sew biex tara li jitwessgħu l-fruntieri tal-kreattività u l-kollaborazzjoni.”
Notte Bianca hi mtellgħa mid-Direttorat tal-Festivals fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, bl-appoġġ tal-Fundazzjoni Valletta 2018, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, MSV Life u Farsons.