Skont statistika ġdida dwar il-parteċipazzjoni kulturali maħruġa fl-2016 mill-Kunsill Malti għall-Arti, 91% mill-popolazzjoni adulta ta’ Malta ħadet sehem f’attività kulturali. L-istħarriġ fuq il-popolazzjoni li twettaq mill-Uffiċju Nazzjonali għall-Istatistika f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018 jitfa’ ħarsa fuq bosta karatteristiċi assoċjati mal-involviment tan-nies f’attivitajiet kulturali.

 Is-sejbiet tal-2016 juru li hemm żieda globali fil-parteċipazzjoni f’għadd ta’ attivitajiet meta mqabbla mal-istħarriġ tal-2011. L-istħarriġ juri wkoll il-livelli ta’ parteċipazzjoni skont l-età, ir-reġjun u l-livell ta’ edukazzjoni milħuq. L-ogħla persentaġġ u l-akbar attendenza ntlaħqu bil-festi parrokkjali b’attendenza ta’ 67%. Iż-żfin kellu parteċipazzjoni fqira b’attendenza ta’ 12%. Is-swali taċ-ċinema rreġistraw attendenza ta’ 42%, is-siti storiċi kellhom 35% u l-mużewijiet 30%. L-attendenza fit-teatru kienet ta’ 32% fejn l-aktar ġeneru li jinżel tajjeb man-nies huwa dak tal-kummiedja waqt li l-kunċerti rreġistraw attendenza ta’ 32%. Il-mużika pop tibqa’ l-iktar ġeneru mużikali predominanti fil-preferenza tan-nies. 44% jaqraw mill-inqas ktieb wieħed fejn ir-rumanz jispikka bħala l-iktar ġeneru favorit waqt li 20% żaru l-librerija.

70% ta’ dawk li għandhom aċċess għall-internet jużawh biex jisimgħu l-mużika, 66% biex jaqraw l-artikli mill-gazzetta u 61% biex isibu l-informazzjoni dwar xi avveniment kulturali.

L-istħarriġ juri wkoll li 37% tal-popolazzjoni hija attiva f’diversi attivitajiet kulturali, li jvarjaw minn ċelebrazzjonijiet tradizzjonali bħalma huma l-karnival għal attivitajiet artistiċi bħad-daqq ta’ xi strument jew it-tpinġija. Dan il-grupp wera wkoll li jgawdi minn sodisfazzjoni akbar fil-ħajja meta mqabbel ma’ dawk li m’għandhomx sehem attiv f’attivitajiet kulturali.

Ir-riċerka li saret fl-istħarriġ dwar l-attitudnijiet, il-preferenzi u l-perċezzjonijiet dwar il-ħajja kulturali tipprovdi għarfien fuq għaliex in-nies jagżlu li jipparteċipaw – jew le – f’attivitajiet kulturali. 57% jaqblu li minħabba impenji oħra fil-ħajja ma jsibux ħin għal avvenimenti kulturali jew artistiċi u 31% jemmnu li ħafna nies huma soċjalment esklużi minn opportunitajiet kulturali. Filwaqt li 62% jaqblu li l-flus ta’ min iħallas it-taxxi għandhom imorru għall-finanzjament ta’ inizjattivi fl-arti u l-kultura, 30% ma jiddejqux jiddedikaw il-ħin tagħhom biex jgħinu xi organizzazzjoni kulturali jew tal-arti u 32% jaqblu li l-arti u l-kultura huma essenzjali fil-ħajja tagħhom.

Bħala parti mill-proġett ta’ riċerka, il-Kunsill Malti għall-Arti kkummissjona wkoll għażla ta’ esejs kritiċi miktuba minn għaxar kontributuri b’għarfien espert f’oqsma differenti. Barra minn hekk, l-aġenzija internazzjonali għall-istrateġija kulturali u r-riċerka, Morris Hargreaves, ħolqot rapport, imsejjes fuq ir-riżultati tal-istħarriġ, dwar is-segmentazzjoni tal-udjenza. Ir-rapport juri kif il-qagħda kurrenti tas-suq kulturali f’Malta – dawk li żaru avveniment kulturali f’dawn l-aħħar tliet snin – tista’ titqabbel ma’ dik f’nazzjonijiet żviluppati oħra. 76% tan-nies f’Malta qegħdin fis-suq kulturali kurrenti. Filwaqt li għadha lura ħdejn New Zealand (98%), insibu ftit jew wisq l-istess sitwazzjoni f’nazzjonijiet żviluppati bħar-Renju Unit (85%), il-Ġermanja u Iżrael (it-tnejn 84%). Hija sitwazzjoni ħafna aħjar ukoll jekk titqabbel ma’ postijiet bħall-Indja (24%), itTurkija (20%) u l-Brażil (16%).

Ir-rapporti jitgħu jinqraw fuq:

http://artscouncilmalta.org/files/uploads/misc/Cultural%20Participation%20Survey%202016.pdf