Pjazza San Ġorġ, waħda mill-pjazez ikoniċi fil-Belt Valletta, se tkun qed tiċċelebra s-sajf billi tospita kampjonat ta’ beach volleyball għall-ewwel darba matul Valletta 2018.
Il-pjazza, mdawra bil-Palazz tal-Granmastru, il-Gwardja Prinċipali u bini storiku ieħor, se tiġi trasformata f’court tal-volleyball li jixbaħ lil wieħed li spiss jinsab fuq xi bajja għall-Algida Valletta Beach Volley in the City, bejn is-17 u l-22 ta’ Lulju 2018.
Għal din l-attività li se ddum għaddejja sitt’ijiem, se titwaqqaf arena apposta f’nofs il-pjazza. Din se timtela b’ħamsin tunnellata ta’ ramel u fuqha se jitwaqqaf ukoll court tal-volleyball li jintefaħ.
Din l-attrazzjoni nnovattiva fiċ-ċentru tal-Belt se tospita kampjonat nazzjonali ta’ beach volleyball, bil-parteċipazzjoni ta’ timijiet Maltin u internazzjonali. Se jkun hemm ukoll dimostrazzjonijiet, logħob, attivitajiet għat-tfal fejn jiġu ntrodotti għall-volleyball minn coaches professjonali, u divertiment għall-familja kollha bil-parteċipazzjoni ta’ diversi preżentaturi u personalitajiet popolari Maltin.
Għalkemm din hi l-ewwel darba li dan l-avveniment qed isir f’pajjiżna, dan il-kunċett diġa kien ta’ suċċess f’ibliet kbar madwar id-dinja fosthom f’Ruma, Milan, Berlin u New York.
Algida Valletta Beach Volley in the City, li hu parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, għandu l-għan li jippromwovi l-volleyball bħala sport kif ukoll l-importanza ta’ ħajja attiva. Billi jippromwovi l-attività fiżika u jinkoraġġixxi lin-nies jipparteċipaw fl-isport, dan l-avveniment se jkun parti mil-legat ta’ Valletta 2018.
Din l-attività qed tiġi organizzata mill-Valletta Volleyball Club b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018, bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Sportmalta, l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Volleyball, il-Kumitat Olimpiku Malti u Algida. Dħul hu bla ħlas.