L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Poetry on Film se tippreżenta żewġ poeżiji Maltin popolari; ‘Kafè’ ta’ Achille Mizzi, u ‘Il-Lejl f’Dan l-Istazzjon’ ta’ Oliver Friggieri, fil-forma ta’ films għall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta 2018.

Dawn se jintwerew matul l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, li se jsir bejn it-23 u l-25 ta’ Awwissu fil-Forti Manoel, Il-Gżira Manoel.

Poetry on Film, li issa jinsab fil-ħames edizzjoni tiegħu, hu proġett ta’ Valletta 2018 b’kollaborazzjoni ma’ Inizjamed, bl-edizzjoni ta’ din is-sena wkoll parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, dawn iż-żewġ entitajiet għandhom l-għan li jiżviluppaw is-settur tal-films maħluqa minn poeżiji f’Malta u li jħeġġu interess akbar fih, permezz tat-taħriġ, il-kummissjonar ta’ films qosra u l-esportazzjoni tal-istess films ikkummissjonati.

Flimkien, il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Inizjamed jaħdmu biex jagħmlu l-poeżija aktar aċċessibbli permezz ta’ kollaborazzjoni u ko-kreazzjoni f’dixxiplini u pjattaformi artistiċi differenti.

Din is-sena, Clare Azzopardi u Ken Scicluna qed jaħdmu fuq ‘Kafè’, filwaqt li Abigail Mallia u Carlos Debattista qed jipproduċu ‘Il-Lejl f’Dan l-Istazzjon’.

Meta ġew mistoqsija dwar dak li laqathom l-aktar f”Kafè’, Clare Azzopardi u Ken Scicluna qalu, “il-poeżija laqtitna mill-ewwel għax għalkemm mad-daqqa t’għajn tidher poeżija sempliċi ħafna dwar kif isir il-kafè, hemm livelli oħra fis-sekwenza tal-versi u fil-ħsejjes alliterattivi li nisslu fina emozzjonijiet li jmorru lil hinn mill-eżistenza tal-kliem maqbud fid-diskors u r-ritwali ta’ kuljum”.

Abigail Mallia qalet li ‘Il-Lejl f’Dan l-Istazzjon’ hija poeżija li immedjatament laqtet lilha u lill-ko-produttur tagħha Carlos. “Laqtitna mill-ewwel u bil-film xtaqna noqorbu lejn l-emozzjoni li qanqlitilna l-poeżija l-ewwel darba li qrajniha… sens ta’ nostalġija, sens ta’ tmiem”. Kompliet li “il-film se jesplora kif il-protagonist, Paul, jinteraġixxi mal-mewt, mat-tmiem, tul ħajtu.”

Achille Mizzi u Oliver Friggieri u l-poeżiji rispettivi tagħhom intgħażlu minn Dr Immanuel Mifsud, li huwa konsulent letterarju għall-proġett Poetry on Film. Is-selezzjoni saret wara workshops organizzati minn Inizjamed, fejn il-produtturi tal-films ġew imħeġġa jissottomettu l-proposti tagħhom ta’ film qasir maħluq minn poeżija.

L-ewwel film tal-poeżija ġie kkummissjonat għall-edizzjoni tal-2014 tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, u kien ibbażat fuq żewġ poeżiji ta’ Doreen Micallef, rappreżentattivi tal-poeżija Maltija tas-sittinijiet. Fl-2015, ġie kummissjonat it-tieni film tal-poeżija bbażat fuq poeżija ta’ Mario Azzopardi, rappreżentattiv tal-poeżija Maltija tas-sebgħinijiet. Il-films magħżula fl-2016 kienu bbażati fuq poeżiji ta’ Lillian Sciberras u Ray Mahoney, filwaqt li s-sena li għaddiet, iż-żewġ films magħżula kienu bbażati fuq poeżiji ta’ Victor Fenech u Maria Grech Ganado.

Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta 2018 se jsir bejn it-23 u l-25 ta’ Awwissu fil-Forti Manoel, il-Gżira Manoel, Il-Gżira.

Għal aktar informazzjoni żur il-paġni ta’ Valletta 2018 u Inizjamed fuq Facebook.

Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta hu maħluq u organizzat minn Inizjamed, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta