Kull min għandu għal-qalbu ż-żfin modern, il-mużika ta’ Satie, l-estetika ta’ Picasso kif ukoll l-animazzjoni diġitali, m’għandux jitlef din il-produzzjoni. “PARADE & The Velvet Gentleman” se tittella’ it-Teatru Manoel fis-27 ta’ Lulju bħala parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018.
“PARADE & The Velvet Gentleman” tipproponi verżjoni ġdida tal-ballet storiku “Parade”, imniedi f’Pariġi fl-1917 mill-Ballets Russes ta’ Sergei Diaghilev. Dan il-proġett jippreżenta kollaborazzjoni bejn il-kompożitur Erik Satie, il-kittieb Jean Cocteau u l-artist Pablo Picasso.
“PARADE & The Velvet Gentleman” tinterpreta l-ballet oriġinali b’elementi ġodda taħt id-direzzjoni ta’ Ruben Zahra. Il-proġett jinkludi żfin kontemporanju mill-kumpanija Moveo, kostumi ta’ Ritienne Zammit ispirati mix-xogħol ta’ Picasso, animazzjoni stop-motion ta’ Christ Scicluna, video-art ta’ MAKA Visuals kif ukoll maskli u pupazzi ta’ Charles Bezzina u Trevor Zahra.
“Erik Satie huwa kompożitur tassew interessanti,” jgħidilna Ruben Zahra. “Fi żmien meta l-kompożituri kienu qed jiżviluppaw il-mużika fuq strutturi mill-aktar kumplessi, Satie kien innovattiv fis-sempliċità.”
L-idea li jaħdem fuq dan il-proġett ġiet waqt diskussjoni mad-direttur artistiku tat-Teatru Manoel, Kenneth Zammit Tabona fl-2015. Zahra intebaħ li dan il-kapulavur tas-seklu għoxrin mhux magħruf u saħansitra ħafna artisti u mużiċisti m’humiex konxji minnu. “Din kienet motivazzjoni biex naħdem fuq verżjoni ġdida ta’ dan ix-xogħol, b’elementi viżwali moderni bħall-animazzjoni diġitali u video-art. F’xena minnhom ħloqna koreografija bejn żewġ żeffiena u d-dell tagħhom stess, bis-saħħa ta’ projezzjoni ta’ video sinkronizzat mal-movimenti taż-żeffiena.”
“PARADE & The Velvet Gentleman” tnediet is-sena l-oħra fil-festival ta’ ŻiguŻajg quddiem udjenza ta’ 700 ruħ fl-Istitut Kattoliku. Fis-27 ta’ Lulju din il-produzzjoni qed tinkludi koreografija ġdida minn Moveo fuq xogħol għall-pjanu ta’ Charles Camilleri bl-isem “Picasso Set”. Ir-rabta mal-bqija tal-programm hija ovvjament it-tema ta’ Picasso u għal darb’oħra, il-kostumi ta’ Ritienne Zammit huma ispirati minn pitturi ta’ Picasso.
“PARADE & The Velvet Gentleman” se tittella’ fit-Teatru Manoel fis-27 ta’ Lulju, 9PM. Għal aktar informazzjoni żuru s-sit elettroniku: www.teatrumanoel.com.mt.