Fit-8 u d-9 ta’ Diċembru, grupp ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali se jingħaqdu flimkien biex itellgħu (In)Visibility, żewġ rappreżentazzjonijiet teatrali u mużikali, bħala parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.

Fiż-żewġ ġranet, l-ispettaklu se jittella’ fit-Teatru tal-Kampus tal-Università tal-Belt Valletta, fis-7.30pm.

Il-proġett (In)Visibility huwa frott ta’ kollaborazzjoni ta’ sena bejn l-Assoċjazzjoni Opening Doors u l-Fondazzjoni Valletta 2018. Din il-kollaborazzjoni wasslet għar-rappreżentazzjoni ‘The Secret’. L-Assoċjazzjoni Opening Doors hi organizzazzjoni nongovernattiva volontarja li tipprovdi opportunitajiet għal adulti bi bżonnijiet speċjali differenti, permezz ta’ programmi dwar il-mużika, it-teatru u ż-żfin.

Fiż-żewġ ġranet, membri tal-Assoċjazzjoni Opening Doors se jkunu qed iwettqu ‘The Secret’, filwaqt li mistiedna minn Wales, li jiffurmaw parti  mill-proġett performattiv inklussiv Dragon’s Heart and Dragon’s Soul, se jwettqu r-rappreżentazzjoni tal-ftuħ, ‘T4’.

Ir-rappreżentazzjoni ‘The Secret’ hija l-frott ta’ diversi xhur ta’ ħidma sfieqa, permezz ta’ workshops u attivitajiet oħra li saru għal grupp ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali — żeffiena, atturi u mużiċisti — kollaboraturi, persuni li għenu fil-proġett kif ukoll koordinatur tal-proġett li għen fil-ħolqien ta’ din il-produzzjoni oriġinali. Din ir-rappreżentazzjoni hi ispirata mill-istorja ikonika ta’ Antoine de Saint-Exupéry, Iċ-Ċkejken Prinċep — storja dejjiema b’valuri morali profondi adattata għal persuni ta’ kull età.

‘T4’ hi ispirata mill-qtil ta’ 70,000 persuna bi bżonnijiet speċjali li sar fil-Ġermanja fis-Snin Tletin, b’riżultat tax-xewqa li tinħoloq ‘razza superjuri’. Din il-produzzjoni tiċċelebra l-umanità u l-valur ta’ dawn il-persuni, li kienu jitqiesu imperfetti għal dan ir-reġim.

Aktar kmieni din is-sena, l-Assoċjazzjoni Opening Doors ħadet sehem fl-Expressions Festival, bħala parti mill-preparazzjonijiet għal ‘The Secret’:

Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn tickets.valletta2018.org.

Għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org u segwi l-paġna ta’ ‘Opening Doors Malta‘ fuq Facebook.

(In)Visibility hu organizzat minn Valletta 2018 b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Opening Doors u bl-appoġġ tal-Iskola tal-Arti Performattiva fi ħdan l-Università ta’ Malta.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria u Bank of Valletta.