Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed torganizza Qatt ma Ninsa – Għawdex ta’ Dari, proġett ta’ ġbir ta’ memorji u stejjer relatati mal-komunità Għawdxija, f’Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, fl-24 u l-25 ta’ Ottubru.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef jirrimarka “Permezz tal-proġetti li qed isiru bi preparazzjoni lejn l-2018 meta l-Belt Valletta ser tkun Kapitali Ewropea tal-Kultura, qed niggarantixxu li l-atmosfera speċjali li ngawdu ġewwa Għawdex ma tintilifx iżda tikkontribwixxi fil-pożittiv lejn il-bidliet fis-soċjetà Maltija, Mediterranja u Ewropea.”

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo jirringrazzja lill-Fondazzjoni Valletta 2018 talli nkludiet lil Għawdex fil-programm kulturali tagħha. “Dan il-proġett jiċċelebra l-istorja u l-komunità Għawdxija. Kull familja għandha l-istorja tagħha u hija dik li tagħti l-individwalità lill-gżira u lill-komunitajiet tagħna.”

Is-Sibt 24 ta’ Ottubru, l-attivitajiet ta’ Qatt ma Ninsa jiftħu b’kant mill-kor Għawdxi l-Chorus Urbanus ġewwa l-Ministeru għall-Għawdex fis-6.30pm. Wara se jkun hemm żifna spirata mill-memorji tal-komunità Għawdxija, żvilluppata mill-kumpanija taż-żfin Għawdxija Naupaca Dance Factory.

Il-proġett Qatt ma Ninsa jinkludi wirja li tiffoka fuq il-passat u l-preżent t’Għawdex. Il-wirja tinkludi mudelli tad-dgħajsa tal-Latini u tal-vapur Malita li jagħmel parti mis-servizz tal-Gozo Ferry, kif ukoll serje ta’ filmati li jiffokaw fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-Għawdxin u li jgħamlu parti mill-proġett Ħaġa u Taħdita.

Waqt il-lejl se jkun hemm edizzjoni oħra tal-Ikla t-Tajba, kċina pop-up li se tkun qed isservi ikel ibbażat fuq riċetti ta’ qabel il-gwerra, misjur u preparat minn żgħażagħ minn Aġenzija Żgħażagħ.

Diversi Kunsilli Lokali Għawdxin innominaw personalitajiet importanti fl-istorja t’Għawdex biex dawn jiġu mfakkra u ċċelebrati għas-sehem tagħhom billi jkollhom xemgħa ddedikata għalihom. Il-membri tal-komunità huma ukoll mistiedna biex jiddedikaw xemgħa għal persuna importanti f’ħajjithom. B’hekk il-Pjazza San Franġisk se tkun illuminata bid-dawl tax-xemgħa. Waqt is-serata, se jkun hemm mużika live provduta minn Cash and Band.

Membri tal-komunità Għawdxija huma mħeġġa jġibu oġġetti, ritratti u riċetti antiki u jaqsmu l-istejjer tagħhom waqt il-memory gathering. Din se tkompli l-Ħadd filgħodu bejn id-9am u 12pm.