Bejn l-14 u s-16 ta’ Settembru, Bieb is-Sultan fil-Birgu (Notre Dame Gate) ser jospita Każin Barokk: esperjenza teatrali interattiva li tesplora l-passjoni, l-innoċenza u l-logħob tal-azzard, bħala parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.

Ibbażata fuq l-identità lokali u kontemporanja u t-tradizzjoni Barokka Maltija, din ir-rappreżentazzjoni immersiva u ibrida tiffoka fuq l-identità kulturali Maltija, u tesplora jekk u kif qed din tintlagħab bħal f’logħba tal-azzard.

L-udjenza hija mistiedna tesplora l-kmamar ġewwa Notre Dame Gate – bieb militari barokk grandjuż mibni fl-1675 – illum wieħed mis-siti tal-Fondazzjoni Wirt Artna.

L-udjenza hija wkoll mistiedna biex taħseb dwar xi tkun ir-risposta tagħna kieku kellu jiġi fuqna grupp ta’ maħbubin, qaddisin u midinbin li jistaqsuna biex nagħżlu bejn il-passjoni, l-innoċenza … u logħba tal-azzard.

Il-punt tat-tluq huwa ġabra ta’ kapulavuri letterarji li jesploraw il-kunċett tal-logħob tal-azzard u l-fortuna, inklużi The Gamester ta’ Regnard (Le Joueur), The Queen of Spades ta’ Pushkin u The Gambler ta’ Dostoevsky.

Każin Barokk iwiegħed li jkun vjaġġ ta’ tiftix tar-ruħ, fejn l-arti, in-nies u r-robotika tal-passat, il-preżent u l-futur jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw taħlita Barokka fejn il-viżwali, il-mużika u t-test jingħaqdu.

L-isem mogħti lil din ir-rappreżentazzjoni huwa logħba bil-kliem. Il-kelma “Każin” għanda żewġ konnotazzjonijet, kemm ħanut tax-xorb lokali fejn wieħed jiltaqa’ kif ukoll “każinò”. Il-kelma “Barokk” tirreferi kemm għall-perjodu Barokk fl-arti u l-mużika – perjodu mmarkat b’elementi elaborati u effetti drammatiċi – kif ukoll għat-taħlita ta’ kulturi tipika tal-identità Maltija.

Tliet rappreżentazzjonijiet ta’ Każin Barokk se jittellgħu nar il-Ġimgħa 14 u s-Sibt 15 ta’ Settembru fit-20.00 u l-Ħadd 16 ta’ Settembru fis-19.30, f’Bieb is-Sultan (Notre Dame Gate) fil-Birgu. Biljetti jiswew €5 biss u jistgħu jinkisbu minn tickets.valletta2018.org.

N.B. Dan l-avveniment mhuwiex aċċessibbli bis-siġġu tar-roti.

Każin Barokk hi mfassla minn Elli Papakonstantinou, l-ODC Ensemble u artisti parteċipanti. Organizzat minn Valletta 2018.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta