Ir-reġistrazzjoni għas-seminar organizzat b’rabta mal-proġett Poetry on Film mill-Fondazzjoni Valletta 2018 Foundation u Inzjamed issa miftuħ. Il-proġett jaqbad poeżiji ta’ poeti Maltin u jittraduċihom f’films li jidhru għall-ewwel darba waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.
Is-seminar li se jittella’ ġewwa Studio Solipsis, ir-Rabat, nhar l-24 ta’ Marzu mit-9am sa 12pm, jintroduċi diretturi u artisti mill-qasam tal-film għall-poeżiji ta’ din is-sena. Is-seminar jibda b’introduzzjoni għall-Festival minn Dr Adrian Grima u wara jkun hemm qari mill-qrib tal-poeżiji minn Dr Immanuel Mifsud segwit minn diskussjoni. Matul is-seminar jintwerew ukoll films tal-poeżija lokali u barranin, fosthom il-films li nħadmu s-sena li għaddiet minn Nicky Aqulina/Lyanne Mifsud u Trevor Borg li se jkunu preżenti u jitkellmu dwar il-films ukoll. Il-parteċipazzjoni hi bla ħlas u b’reġistrazzoni hawnhekk sat-23 ta’ Marzu.
Wara s-seminar, se tkun imnedija s-sejħa għall-proposti, bl-għan li jinħolqu żewġ films tal-poeżija, ta’ bejn 4 u 8 minuti li jinterew għall-ewwel darba waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta (23 – 25 ta’ Awwissu 2018, Forti Sant’Iermu). Għal kull film, il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Inizjamed qed jagħtu s-somma ta’ €3,000.
L-applikanti għandhom jagħżlu poeżija minn sitta, magħżula minn Immanuel Mifsud, il-konsulent letterarju tal-proġett Poetry on Film. Il-poeżiji huma ta’ Oliver Friggieri u Achille Mizzi. Wara li jidħlu s-sottomissjonijiet, ikun hemm proċess ta’ għażla.
Il-proposti jridu jaslu għandna sat-8 ta’ April u jkun hemm pitch għal dawk li japplikaw nhar l-14 ta’ April. Iż-żewġ proposti magħżula (waħda għal kull poeżija) iridu jkunu tradotti f’film sa tmiem Lulju. Dawk li għamlu film għal dan il-proġett fil-passat jistgħu japplikaw ukoll. L-għażla titħalla fid-diskrezzjoni tal-ġurija.
Mistoqsijiet jew kjarifikazzjonijiet għandhom ikunu indirizzati lil [email protected].
Id-dokumenti kollha tal-proġett jistgħu jinsabu hawn. L-attività fuq Facebook tista’ tinsab hawn.