Se tinfetaħ roof garden fuq il-bejt tal-Gwardja Prinċipali fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, bħala parti mill-Valletta Green Festival li se jkun qed jittella’ bejn it-3 u s-6 ta’ Mejju, 2018.

Pjazza San Ġorġ, waħda mill-ikbar spazji miftuħa fil-Belt Valletta, se titrasforma ruħha f’tapit kbir u kkulurit għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Valletta Green Festival, li qed jiġi organizzat minn Valletta 2018.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival, li ilu jiġi organizzat mill-2015, se tkun ikbar u aqwa minn edizzjonijiet tal-passat. Bejn it-3 u s-6 ta’ Mejju, il-pjazza se tkun kompletament miksija b’iktar minn 150,000 pjanta, fuq medda ta’ iżjed minn 100,000 metru kwadru. Dan se joħloq atmosfera unika fil-Belt. L-infjorata ta’ din is-sena tistieden lil dawk li jżuruha sabieh jimxu mixja ġo fiha u madwarha.

Se jkun qed jittella’ programm t’attivitajiet għall-familja kollha matul tmiem il-ġimgħa. Dan il-programm joffri opportunità unika biex wieħed iżur ftit mit-teżori storiċi moħbija fil-Belt, inkluż il-ġonna qodma tal-Palazz tal-Arċisqof u l-Piano Nobile, il-ġonna tal-monasteru ta’ Santa Katerina, il-knisja u l-ġonna ta’ Santu Wistin, kif ukoll il-ġonna tal-Bażilika ta’ San Duminku. Dawn se jkunu miftuħa bejn id-9.30pm u n-12.30pm kif ukoll bejn l-4pm u s-7pm, mill-ġimgħa sal-Ħadd.

Fi Pjazza San Ġorġ se tkun qed tittella’ wkoll esibizzjoni minn diversi għaqdiet non-governattivi, inkluż iċ-Ċentru Kulturali għaċ-Ċina f’Malta, WasteServ, ELC u Garby & Tidy. Xarulu u Solar Cinema se jipprovdu divertiment għal dawk preżenti permezz ta’ muzika kif ukoll wirja ta’ film qasir. Solar Cinema se jkunu wkoll qed itellgħu laqgħat ta’ ħidma dwar il-filmografija bl-istampi għat-tfal, bl-użu ta’ materjal reċiklat. Il-films li jinħolqu matul dawn il-lagħat se jkunu murija fuq bajjiet Maltin bejn Mejju u Ottubru sabiex jitgawdew minn diversi familji u tfal.

Valletta Green Festival huwa pjattaforma aċċessibli li jipprovdi divertiment għall-familja kollha kif ukoll jippromwovi inizjattivi ta’ kuxjenza dwar l-indafa u l-ambjent fil-Gżejjer Maltin.

Ir-roof garden fuq il-bejt tal-Gwardja Prinċipali se tibqa’ miftuħa sat-13 ta’ Mejju.

Dan il-proġett ta’ Valletta 2018 qed jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent, u t-Tibdil fil-Klima, il-Konsorzju ELC, id-Dipartiment PARKS bħala parti mill-kampanja Tree 4 U, WasteServ Malta Ltd, European Green Week u diversi għaqdiet non-governattivi oħrajn.

 

Programm ta’ Attivitajiet:

 

Green Roof

 

Data: Il-Ħamis 3 ta’ Mejju – il-Ħadd 6 ta’ Mejju

Ħin: 9.30am ‘il quddiem

Post: Bejt tal-Gwardja Prinċipali, Pjazza San Ġorg, Valletta

Deskrizzjoni: F’Malta, il-bini jgħatti terz tal-gżira, u ma jħallix wisq spazju għall-ħdura u l-ambjent. Il-green roofs huma mod kif pjanti jistgħu jsiru parti minn bini urban. Dawn il-pjanti jista’ jkollhom diversi benefiċċji. Se jkun hemm green roof fuq il-bejt tal-Gwardja Prinċipali fi Pjazza San Ġorġ sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-pjanti u ambjent nadif. Din l-esibizzjoni se teduka lill-pubbliku dwar kif jista’ jimplementa inizjattivi ‘ħodor’ f’daru.

 

Pjazza San Ġorġ

 

Data: Il-Ħamis 3 ta’ Mejju – il-Ħadd 6 ta’ Mejju

Ħin: 9.30am ‘il quddiem

Post: Pjazza San Ġorg, Valletta

Deskrizzjoni: Diversi esibizzjonijiet minn numru ta’ għaqdiet non-governattivi inkluż iċ-Ċentru Kulturali għaċ-Ċina f’Malta, ELC, Garby & Tidy u WasteServ. Infjorata kbira magħmula minn eluf ta’ pjanti fuq medda ta’ iżjed minn 1000 metru kwadru.

 

Il-Bażilika ta’ San Duminku u l-ġonna tagħha

 

Data: Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju – il-Ħadd 6 ta’ Mejju

Ħin: 9.30am – 12.30pm u 4pm – 7pm

Post: Triq San Duminku, Valletta

Deskrizzjoni: Il-ġonna u r-refettorju tal-Bażilika ta’ San Duminku se jkunu miftuħa għall-pubbliku

 

Il-Knisja ta’ Santu Wistin u l-ġonna tagħha

 

Data: Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju – il-Ħadd 6 ta’ Mejju

Ħin: 9.30am – 12.30pm u 4pm – 7pm

Post: Triq l-Ifran, Valletta (Entratura minn Triq l-Ifran jew Triq Żekka)

Deskrizzjoni: Il-ġonna tal-Knisja ta’ Santu Wistin, il-knisja, kif ukoll il-pedamenti tal-knisja taħt l-art li gew skavati riċentament se jkunu miftuħa għall-pubbliku

 

Il-Monasteru ta’ Santa Katerina u l-ġonna tiegħu 

 

Data: Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju – il-Ħadd 6 ta’ Mejju

Ħin: 9.30am – 12.30pm u 4pm – 7pm

Post: Triq ir-Repubblika, Valletta

Deskrizzjoni: Il-ġonna tal-monasteru ta’ Santa Katerina se jkunu miftuħa għall-pubbliku

 

Il-Palazz tal-Arċisqof u l-ġonna tiegħu

 

Data: Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju – il-Ħadd 6 ta’ Mejju

Ħin: 9.30am – 12.30pm u 4pm – 7pm

Post: Triq l-Arċisqof, Valletta

Deskrizzjoni: Il-ġonna tal-Palazz tal-Arċisqof, Sala Gonzi u l-ewwel sular tal-palazz se jkunu miftuħa għall-pubbliku