Il-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien ma’ Esplora, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza qed jistiednu artisti sabiex japplikaw għall-esperjenza immersiva tar-residenza għall-artisti. L-għan tal-programm tar-residenza huwa sabiex ix-xjenza tiġi kkomunikata permezz ta’storytelling , kif ukoll jinkoraġġixxi interazzjoni produttiva bejn kreattivi internazzjonali, dawk lokali u kommunitajiet lokalikif ukoll spazji fiżiċi u dawk virtwali.
Ir-Residenza ser isseħħ f’Esplora, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza, Triq il-Marina, Kalkara, Malta bejn April tal-2018 u Mejju tal-2018 għal 6 ġimgħat.
Esplora jopera fil-kuntest ta’ xena kulturali innovattiva u kreattiva li qed tikber f’Malta. Kuntest immexxi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, it-titlu tal-Kapitali Ewropeja tal-Kultura u l-istrateġija 2020 tal- Kunsill Malti għall-Arti. Fejn tidħol ix-xjenza u l-kultura, din ir-residenza tixtieq tenfasizza li din mhix kwistjoni ta’ waħda jew l-oħra iżda li dawn imorru id f’id. Esplora dejjem jisħaq li jkun ċentru ta’ eċċellenza u jinsab fuq quddiem fl-inizjattivi STEAM (Science, Technology, Engineering, Arts and Mathematics).
L-artist li jintgħażel se joħloq rappreżentazzjoni speċifika għas-sit permezz tal-arti performattiva ta’ storytelling speċifikament għal Esplora u għandu jaħdem fil-viċin mal–Esplora Lead Science Programme Developer, kif ukoll mad-Direttur ta’ Esplora. Esplora joffri spazji kemm ġewwa kif ukoll barra fejn wieħed jista’ jtella’ rappreżentazzjonijiet b’veduti mill-isbaħ, għal viżitaturi li jżuru filgħodu u filgħaxija.
L-artist se jkun qed jikkolabora wkoll mal-komunitajiet tat-tlett ibliet (Bormla, il-Birgu, l-Isla) u l-Kalkara sabiex jiżviluppa rappreżentazzjoni relevanti għal dawk li joqgħodu fl-inħawi. L-artist għalhekk se jkun qed iżomm f’moħħu l-komunitajiet tal-madwar meta qed joħloq r-rappreżentazzjoni biex jiżgura li din hija kemm relevanti kif ukoll speċifika għaż-żona.
Sabiex l-artist ikun jista’ jilħaq dan l-għan, ser jingħata tagħrif tax-xjenza fil-ħajja ta kuljum tal-poplu Malti, kif ukoll informazzjoni oħra dwar dawn il-komunitajiet li semmejna.
L-applikazzjonijiet jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-viżjonijiet strateġiċi ta’Valletta 2018 u dawk tal-Esplora.
Is-sejħa tnediet illum il-Ħamis 7 ta’ Diċembru. Aktar dettalji fuq http://esplora.org.mt/international-call-for-artist-in-residence-esplora-interactive-science-centre-science-through-storytelling/