Ir-reġistrazzjoni għal “Sharing the Legacy”, il-Konferenza Annwali ta’ Valletta 2018 li se ssir bejn l-24 u s-26 ta’ Ottubru 2018 issa tinsab miftuħa!

Il-konferenza hija stedina għall-assesjar u d-diskussjoni dwar in-natura tal-Belt li qed tinbidel u l-futur tal-attività kulturali fil-Belt.

It-temi għall-konferenza ta’ din is-sena jinkludu l-Kultura, il-Politika u l-Kapitali fit-Trasformazzjoni Urbana, it-Tiġdid tal-Belt, Legat Mhux intenzjonat, u l-Fehmiet Dwar il-Belt.

Parteċipanti interessati jistgħu japplikaw billi jżuru conference.valletta2018.org u jagħfsu fuq il-link tar-reġistrazzjoni.

Mifruxa fuq tlett ijiem, il-konferenza tesplora l-wirt tal-Belt bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura. X’inhi l-esperjenza li dan it-titlu jħalli warajh, kemm lokalment kif ukoll fl-ispettru Ewropew?

Il-konferenza tistieden lill-parteċipanti biex jirriflettu dwar il-kwistjonijiet ċentrali li jiddefinixxu l-ħajja urbana permezz tal-mistoqsija bażika “X’jagħmel belt aħjar?”. Kif jistgħu jiġu ffurmati l-ibliet biex jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet u x-xewqat tal-individwi u l-komunitajiet li jospitaw, kemm jekk fuq bażi permanenti jew temporanja? Mill-ħolqien ta’ proġetti komunitarji għar-riġenerazzjoni ta’ żoni li qabel kienu ġew abbandunati fil-Belt Valletta, il-prattiki kulturali jistgħu jrawmu belt aktar vibranti u diversa.

Dawn ir-riflessjonijiet jippermettu fehma aktar profonda tal-impatt fit-tul tar-riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika li seħħet fil-Belt qabel u matul l-2018, qabel il-preżentazzjoni tar-riżultati ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ li se jsiru fl-2019.

Numru ta’ kelliema distinti se jaqsmu l-esperjenza tagħhom fi ħdan l-ispettru kulturali.

Kelliema prominenti jinkludu lil François Matarasso, ħaddiem akkademiku u komunitarju fil-qasam tal-arti, Justin McGuirk, kuratur ewlieni fil-Mużew tad-Disinn f’Londra u kritiku tad-disinn għal The Guardian; Pascal Gielen, professur fis-soċjoloġija kulturali fl-Istitut għar-Riċerka tal-Arti f’Antwerp u Ujju Aggarwal, antropologu kulturali fil-Parsons School of Design.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun il-ħames waħda fis-sensiela ta’ konferenzi annwali  ta’ Valletta 2018.

Għal aktar informazzjoni u biex iżżomm ruħek aġġornat, żur conference.valletta2018.org u segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta