Solar Cinema, ċinema mobbli li taħdem kompletament bl-enerġija solari, se tkun f’pajjiżna matul is-sajf li ġej bħala parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018.
Solar World Cinema hi netwerk internazzjonali ta’ skrins taċ-ċinema mobbli li jitwaqqfu f’diversi spazji pubbliċi miftuħa madwar id-dinja, bl-għan li jwasslu films li qatt ma ntwerew qabel lill-pubbliku f’postijiet mhux tas-soltu. Kull ċinema mobbli hi kapaċi tħaddem lilha nnifisha mingħajr għajnuna permezz ta’ enerġija ġenerata 100% mix-xemx, grazzi għal pannelli fotovoltajċi li kapaċi jiġġeneraw biżżejjed enerġija biex jipproduċu għaxar sigħat ta’ filmat.
Wirjiet minn Solar Cinema se jittellgħu f’diversi spazji pubbliċi f’Malta u Għawdex matul is-sajf, fosthom fiż-Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ, Ħal-Luqa, Birkirkara, il-Qrendi, San Pawl il-Baħar, tas-Sliema, il-Mellieħa, Wied il-Għajn, Ta’ Xbiex, l-Imsida, ir-Rabat, Raħal Ġdid, l-Imġarr, il-Kalkara, Ħal-Lija, iż-Żejtun u Santa Luċija, kif ukoll fil-Qala, x-Xagħra u San Lawrenz f’Għawdex. Matul ir-rebbiegħa u s-sajf li ġej, kulħadd hu mistieden jieħu miegħu mħadda jew siġġu f’wieħed minn dawn il-postijiet, sabiex igawdi l-wirjiet ta’ films fl-apert kif ukoll id-diskussjonijiet li se jitqajmu wara l-films. Il-wirjiet kollha huma miftuħin għall-pubbliku bla ħlas, bejn Mejju u Ottubru 2018.
Solar Cinema tmur oltre l-fruntieri tad-dinja taċ-ċinema tradizzjonali, billi toffri programm ikkurat ta’ films qosra lokali u internazzjonali, dokumentarji li jġiegħlu lil dak li jkun jaħseb, animazzjonijiet u films li jiffukaw fuq numru ta’ kwistjonijiet soċjali kontroversjali, waqt li tagħti importanza lit-tema ta’ ambjent sostenibbli. It-temi tal-films jinkludu l-ivjaġġar u l-migrazzjoni, il-ħajja fuq gżira, l-ilma u l-ambjent kif ukoll ir-relazzjonijiet umani. L-għan ta’ Solar Cinema hu dak tad-demokratizzazzjoni tal-aċċess għaċ-ċinema, billi tinħoloq pjattaforma speċjali li permezz tagħha l-pubbliku jista’ jqatta’ ħin fi spazji pubbliċi fl-apert li jinbidlu f’teatri taċ-ċinema sostenibbli. Dan il-mod uniku ta’ kif jintwerew il-films iqajjem kuxjenza dwar l-importanza li nużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
F’Malta, Solar Cinema diġa organizzat workshops għat-tfal dwar films stop-motion waqt il-Valletta Green Festival. Dawn il-workshops jippromwovu l-kuxjenza ambjentali permezz tal-użu ta’ materjal riċiklat.
Għal iktar informazzjoni żur solarcinema.org. Biex iżżomm ruħek aġġornat dwar il-wirjiet ta’ Solar Cinema, żur il-paġna ta’ Facebook: Solar Cinema.
Programm ta’ wirjiet skont it-tema:
Films qosra għall-familja kollha
11 ta’ Mejju 8.30pm Misraħ ir-Repubblika, Żurrieq
24 ta’ Lulju 8.30pm Ġnien l-Għannejja, Żejtun
Dokumentarji
Two Trumpets for St Andrew
22 ta’ Mejju 8.30pm Zuntier tad-Dokkiena, Triq id-Dokkiena, Luqa
Sonic Sea
8 ta’ Ġunju 8.30pm Malta National Aquarium, San Pawl il-Baħar
Dolphin Man
17 ta’ Lulju 8.30pm Wied iż-Żurrieq, Qrendi
Films animati
Boy and the World
3 ta’ Lulju 8.30pm Marina tal-jottijiet, Ta’ Xbiex
Boy and the World
13 ta’ Awwissu 8.30pm Ġnien is-Serenità (Ġnien iċ-Ċiniżi), Santa Luċija
The Red Turtle
21 ta’ Awwissu 8.30pm Għajn Tuffieħa Scout Campsite, Mellieħa
Go Greener għat-tfal
18 ta’ Settembru 8.00pm Bandli tal-Kalkara, Kalkara
Films qosra: Go Greener #1
19 ta’ Ġunju 8.30pm Pjazza San Ġużepp, Qala (Għawdex)
Films qosra: Go Greener #2
15 ta’ Mejju 8.30pm Misraħ l-Isptar, Żebbuġ
2 ta’ Awwissu 8.30pm Ġonna Ġuże’ Ellul Mercer, Imsida
Films qosra: Encounters
29 ta’ Mejju 8.30pm Ġnien Sir Anthony Mamo (wara l-Knisja ta’ Sant’Elena),
Birkirkara
2 ta’ Ottubru 8.00pm Ġnien Pawlu Boffa (ħdejn il-Kunsill Lokali), Raħal Ġdid
Films qosra: Into the Deep End
5 ta’ Ġunju 8.30pm Pjazza San Mattew (Tal-Maqluba), Qrendi
21 ta’ Settembru 8.00pm Ċentru Rikreattiv, Ħal-Lija
Films qosra: Enroute
12 ta’ Ġunju 8.30pm Il-Bandli Mortimer, ħdejn l-Exiles/ħdejn it-Torri, Sliema
7 ta’ Awwissu 8.30pm Palazz ta’ Selmun, Mellieħa
Films qosra: Memories
16 ta’ Ġunju 8.30pm Misraħ Ġwanni Pawlu II, Mellieħa
11 ta’ Settembru 8.00pm Pjazza San Lawrenz, San Lawrenz (Għawdex)
Films qosra: About the Sea
9 ta’ Lulju 8.30pm Ir-Ramla, Xagħra (Għawdex)
29 ta’ Ġunju 8.30pm Pjazza Mifsud Bonnici (Fuq il-Bridge), Wied il-Għajn
Films qosra: Sense of Belonging
30 ta’ Lulju 8.30pm Ġonna Howard, l-Imdina