Adrian Delia qed jippolitiċizza xi ħaġa li għaqqdet il-poplu kollu

 Il-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux jippolitiċizza l-ħidma li wettqet il-Fondazzjoni Valletta 2018. Huwa m’għandux jagħmel hekk għaliex is-sena 2018 kienet waħda kruċjali għall-Belt Valletta li permezz tagħha l-Belt Kapitali tagħna ngħatat il-ħajja mill-ġdid.

Kienu eluf kbar in-nies li gawdew mill-attivitajiet ta’ Valletta 2018 li utilizzat is-servizzi artistiċi ta’ nies bl-aqwa talent, partikolarment dawk lokali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni messu jaf ukoll li fis-settur artistiku hija l-prassi li s-servizzi jinkisbu b’mod dirett għaliex l-għażliet isiru abbażi ta’ mertu artistiku.

Is-sena 2018 kienet waħda li tibqa’ mfakkra fil-kamp kulturali għall-kisbiet artistiċi bla preċedent u l-udjenzi kbar li ġew attirati lejn is-settur, u sena li se tħalli legat kbir inkluż il-ħidma li se tkompli permezz tal-Valletta Cultural Agency, l-Agenzija Kulturali għall-Belt Valletta.