Tafal hija serje ġdida ta’ films qosra u qed tgħajjex mill-ġdid stejjer veri li mhumiex magħrufin ħafna b’approċċ mhux mistenni. Ispirat minn oġġetti u stejjer ta’ proġett ieħor fil-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 (Qatt ma Ninsa), Tafal jonfoħ nifs ġdid fl-imgħoddi minsi ta’ Malta billi juża l-produzzjoni ta’ films, il-koreografija u ż-żfin kontemporanju. Dan il-proġett interdixxiplinarju ġie mniedi llum fuq tafal.org.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal, “Il-memorji u l-wirt kulturali m’għandhomx jintesew u Tafal jittraduċi ħames stejjer mill-isbaħ f’serje ta’ żfin immortalizzati fuq film. Din hija parti intrinsika tar-riġenerezzjoni kulturali li Valletta 2018 qed trawwem permezz tal-programm kulturali b’saħħtu tagħha.”
Tafal ġie prodott permezz ta’ kollaborazzjoni bejn professjonisti minn diversi oqsma kulturali, inklużi diżinjaturi ta’ siti elettroniċi, speċjalisti tal-kostumi, artisti tal-irtokk, produtturi tal-films, żviluppaturi, storiċi, il-Fondazzjoni Valletta 2018, ŻfinMalta, il-Mużew Marittimu ta’ Malta u d-direttur Cedric Vella. Ir-riżultat kien ħames films qosra li jistiednu lill-pubbliku jesplora l-abbissi tal-baħar, jitla’ abbord dgħajsa li ssalpa mad-dinja u jittawwal wara l-purtiera ta’ barbier iffrekwentat mill-famija Rjali.
L-ispirazzjoni għal Tafal ġejja minn selezzjoni żgħira mill-mijiet ta’ oġġetti marittimi miġbura waqt l-edizzjoni Qatt ma Ninsa tal-2014 ġewwa l-Mużew Marittimu ta’ Malta. Minn tifkiriet tal-Ewwel Gwerra Dinjija sal-ikbar ankra Rumana li qatt instabet, “l-oġġetti u l-istejjer wara Tafal huma parti mill-istorja ta’ Malta,” qal id-direttur Cedric Vella. “Iż-żeffiena għażlu l-istejjer li ħassew li setgħu jirrelataw magħhom emozzjonalment,” żied jgħid. Il-koreografija u l-postijiet għall-filming – inklużi l-Pixxina Nazzjonali u l-Port ta’ Marsamxett – ġew magħżula biex jirriflettu dawn ir-reazzjonijiet emozzjonali.
Il-kollaboraturi ħabbtu wiċċhom ma’ diversi sfidi fil-produzzjoni tas-serje ta’ films qosra, inklużi d-diffikultajiet taż-żfin taħt l-ilma u l-isfumaturi kollha li jitlob iż-żfin quddiem il-kamera. Bħala d-Direttur Artistiku ta’ Żfin Malta, Mavin Khoo qal, “Produtturi ta’ żfin differenti għandhom perċezzjonijiet differenti ta’ kif wieħed juża l-kamera. Naħseb li element interessanti hu li ġesti dettaljati ħafna jistgħu jingħataw dimensjoni ħafna ikbar fuq il-kamera. Wieħed irid ikun intelliġenti ħafna fil-mod ta’ kif juża dawk id-dettalji li, forsi fi spazju performattiv kbir, jafu jintilfu.”
Il-koreografu u l-kuratur it-tnejn jaqblu li Tafal huwa ċelebrazzjoni ta’ dak li ta’ spiss jibqa’ inosservat. Għall-kuratur tal-mużew Marittimu ta’ Malta Liam Gauci, “Wieħed mill-ikbar uġigħat ta’ ras li jkollu kuratur huwa kif se jżomm il-mużew ħaj. Aħna ma rridux inkunu dawk li jaraw biss li l-oġġetti ma jintlewx bit-trab. Irridu nirrakkuntaw l-istejjer. Irridu li l-poplu jkun kburi b’dawn l-istejjer u bil-gżira multikulturali tagħna.”
Hija din il-motivazzjoni li ġiegħlet lill-kollaboraturi jipproduċu l-iktar xogħol impenjattiv possibbli, mhux biss biex jippreżentaw żfin kontemporanju għal udjenza usa’ iżda wkoll biex jippreżervaw l-imgħoddi billi jagħtuh bixra kontemporanja.
Il-proġett għandu l-isem xieraq ta’ Tafal minħabba li l-ġisem taż-żeffiena flimkien mal-lenti tal-kamera jiffurmaw l-istejjer f’għamla fiżika.
Ejja magħna lura fiż-żmien illum fuq tafal.org.