Iktar kmieni llum fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca, l-Iskola Primarja ta’ Raħal Ġdid, għadd ta’ studenti ta’ etajiet li jvarjaw minn 8 sa 10 snin u minn sitt skejjel differenti eżibixxew il-kultura li fasslu huma stess.
Dan ix-xogħol eżibit kien l-aħħar fażi ta’ Oħloq Kultura, proġett edukattiv organizzat minn Valletta 2018, bil-kollaborazzjoni ta’ More or Less Theatre.
Studenti minn sitt skejjel differenti – Chiswick House School, St Michael’s Foundation, Il-Primarja tal-Ħamrun, Il-Primarja ta’ Raħal Ġdid, St Albert the Great u l-Primarja ta’ Ħaż Żabbar huma involuti fil-proġett li jqajjem sensibbiltà dwar Kapitali tal-Kultura u l-kultura bħala kunċett b’mod divertenti u interattiv.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal, “Valletta 2018 qed toħloq wirt sħiħ permezz tal-proġetti edukattivi tagħha, li jgħallmu lit-tfal dwar il-kultura b’mod divertenti u aċċessibbli. Il-ħiliet illi tgħallmu matul dan il-proġett se jibqgħu magħhom sal-2018 u lil hinn. Huma ħarsu mill-qrib ukoll lejn il-kunċett ta’ Kapitali tal-Kultura u bl-immaġinazzjoni tagħhom ħolqu l-kultura tagħhom.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Impjieg Evarist Bartolo faħħar inizjattivi bħal dawn għax mhux biss jipprovdu l-esperjenza personali għall-istudenti nfushom, iżda huma opportunità biex jagħrfu r-rwol importanti li għandha l-kultura fit-tfassil u t-twassil tas-sistema edukattiva.
Permezz tal-iskejjel tagħhom, l-istudenti jattendu għal 10 sessjonijiet fejn joħolqu kultura mfassla minnhom stess, li, b’xi mod, tqarrab għal kif jinħolqu l-kulturi fir-realtà. Bit-tqarrib lejn il-proċess li bih il-Belt Valletta nħolqot bħala belt bil-kultura tagħha, it-tfal tgħallmu dwar l-istorja, l-arkitettura u l-patrimonju kulturali. L-istudenti fasslu l-programm kulturali tagħhom adattat għall-belt taparsi tagħhom, li għenhom jifhmu aħjar ix-xogħol li jagħmlu diversi entitajiet bħall-Fondazzjoni Valletta 2018.
Studenti minn skejjel li tqiegħdu f’pari ċemplu lil xulxin ukoll fuq Skype fejn tkellmu dwar il-belt tagħhom u l-kultura tagħha. B’dan il-mod seħħ skambju kulturali u bini ta’ relazzjonijiet. It-tfal ippreżentaw il-kalendarju kulturali tagħhom iktar kmieni llum waqt l-attività.
Bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni bejn Festivals Malta u l-Fondazzjoni Valletta 2018, se titwaqqaf zona Oħloq Kulura għat-tfal waqt l-Għanafest tax-xahar id-dieħel.