Il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-grupp ta’ artisti msejjaħ Open Works Lab se jagħtu bidu għal kollaborazzjoni flimkien għat-twettiq ta’ proġett ta’ ħidma fuq medda ta’ tliet snin, marbut mal- Programm Malti għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Din il-kollaborazzjoni se tiffoka fuq attivitajiet li jħallu mpatt kemm mil-lat innovattiv kif ukoll għax idumu għal perijodu twil ta’ żmien, u matulha se jseħħu l-iżvilupp u t-tnedija ta’ sensiela ta’ attivitajiet kulturali u artistiċi, taħt l-isem ta’ Quintessence.
Il-kompożitur u mużiċist magħruf Renzo Spiteri, li għamel isem fil-qasam tal-mużika elettronika sperimentali; id-drammaturga u akkademika Giuliana Fenech; u l-maniġer kulturali Gaby Giacchino, li flimkien jiffurmaw l-Open Works Lab, kollha għandhom esperjenza twila filkunċett, disinn, żvilupp, amministrazzjoni u direzzjoni artistika ta’ diversi proġetti lokali u barranin, kif ukoll huma magħrufin sewwa għal dik li hi l-kollaborazzjoni tagħhom ma’ għadd ta’ organizzazzjonijiet f’bosta oqsma.
Bħal fil-każ ta’ Valletta 2018, Open Works Lab ifittex li jagħmel l-aħjar użu mill-pożizzjoni ġjografika unika ta’ Malta f’nofs il-Mediterran, fil-qalba tal-Ewropa, biex inissel wirt kulturali u artistiku li jitgawda fil-ġejjieni. Il-ħidma kollettiva tal-grupp se tkun taf il-qofol tagħha f’proċess ta’ riċerka, kollaborazzjoni u patrimonju kulturali. Dil-ħidma sseħħ permezz tal-iżvilupp ta’ attivitajiet li jkunu ta’ xeħta intima, billi jidħlu fil-fond tal-għeruq u l-oriġini tagħna, kif ukoll sperimentali, billi dejjem tgħarrex u tfittex lil hinn mix-xefaq ta’ dak li diġà nafu.
Aktar tagħrif dwar Open Works Lab jista’ jinkiseb minn fuq is-siti elettroniċi www.OpenWorksLab.com.
Biljetti għall-kunċert Quintessence, li Renzo Spiteri ser jippreżenta bħala solista – l-ewwel attività tal-kollaborazzjoni l-ġdida – jinkisbu mill-Kavallier ta’ San Ġakbu, tel.: 21223200, jew online f’ticketengine.sjcav.org.