Ġie mħabbar l-awditjar tal-ispazji teatrali kollha f’Malta u f’Għawdex bħala parti mill-fażi li jmiss tal-proġett ta’ Mmappjar Kulturali ta’ Valletta 2018.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef żvela mappa onlajn – www.culturemapmalta.com – illi turi d-dejta miġbura waqt l-ewwel fażi tal-proġett. Is-Sur Micallef stqarr, “Din il-mappa hija turija ċara tal-viżjoni u l-wirt fit-tul li l-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tfittex li twaqqaf fi ħdan is-settur kulturali. Għall-ewwel darba, is-settur kulturali lokali jista’ jifhem il-wisa’ u d-diversità tal-infrastruttura kulturali f’Malta u Għawdex kollha”.
Din il-mappa se tagħti ċ-ċans lil artisti u urbanisti biex jidentifikaw spazji ġodda u innovattivi li fihom jistgħu jeżegwixxu jew juru xogħolhom. Is-siti mmappjati jinkludu spazji għall-eżekuzzjonijiet, mużewijiet u spazji għall-wirjiet, faċilitajiet edkuattivi u għall-isport, kif ukoll spazji pubbliċi bħall-ġonna, pjazez fl-irħula u toroq li jintużaw għall-attività kulturali.
Il-Fondazzjoni ħabbret ukoll il-ftuħ tar-reġistrazzjonijiet għall-konferenza internazzjonali ta’ Valletta 2018 li jmiss bl-isem “Cultural Mapping: Debating Spaces and Places”. Din il-konferenza, li se ssir f’Ottubru, se tiġbor l-akkademiċi, ir-riċerkaturi u l-artisti mill-Ewropa u l-Mediterran sabiex jesploraw eżempji differenti ta’ mmappjar kulturali fir-reġjun kollu. Ir-reġistrazzjoni għal din il-konferenza tista’ ssir onlajn billi wieħed jimla l-formola minn fuq is-sit ta’ Valletta 2018 www.valletta2018.org.
Fl-intervent tiegħu, iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall ħabbar il-pass li jmiss f’dan il-proġett, “L-Awditjar tat-Teatri li jevalwa t-teatri kollha f’Malta u Għawdex u jiġbor l-informazzjoni kemm dwar l-infrastruttura fiżika ta’ kull sit, kif ukoll dwar il-potenzjal artistiku u kreattiv li jeżisti fi ħdan kull teatru. Il-fażi li jmiss tal-proġett hija kkummissjonata mill-Kunsill tal-Arti ta’ Malta u se tiġi implimentata mill-Fondazzjoni Valletta 2018”.
Il-Prof. Maria Attard, Direttur u Viċi President tal-Istitut għall-Bidla fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli fl-Università ta’ Malta, li ġie kkommissjonat biex jiżviluppa l-mappa kulturali, qalet “il-proġett tal-Immappjar Kulturali huwa mfassal biex aħna nibdlu l-mod ta’ kif inħarsu lejn l-informazzjoni dwar l-infrastruttura kulturali tanġibbli u intanġibbli bit-tama li tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni pubblika fiż-żamma u l-użu ta’ informazzjoni bħal din”.
Il-proġett ta’ Mmappjar Kulturali jfittex li joħloq repożitorju komprensiv tal-ispazji kollha fil-gżejjer Maltin li qed jintużaw għal skopijiet kulturali, u li jara li l-informazzjoni dwar dawn l-ispazji tkun disponibbli għall-pubbliku. L-ewwel fażi tal-proġett involviet l-immappjar fiżiku tal-ispazji kulturali ta’ Malta bl-użu tat-teknoloġija GIS.
Bħalissa qed tiġi żviluppata t-tielet fergħa tal-proġett tal-Immappjar Kulturali: il-pubblikazzjoni ta’ analiżi kritika dwar l-użu tal-ispazji kulturali f’Malta u Għawdex. Din il-fażi tal-proġett hija kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Università ta’ Malta. Din il-pubblikazzjoni se tippreżenta riflessjoni kritika dwar l-attività u l-ispazju kulturali f’Malta mill-perspettiva ta’ bosta dixxiplini akkademiċi.