Illum ingħata bidu għall-ħames edizzjoni tal-Konferenza Annwali ta’ Valletta 2018, din is-sena bl-isem ta’ Sharing the Legacy.

Id-diskors tal-ftuħ ġie indirizzat mill-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista, Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef u l-Koordinatriċi tar-Riċerka għall-Fondazzjoni Valletta 2018 Graziella Vella.

L-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, il-President ta’ Malta, qalet li “huwa kruċjali li nkomplu naħdmu f’sinerġija, sabiex inkomplu ngħollu l-livell f’diversi oqsma ta’ żvilupp soċjali u kulturali. L-investiment kulturali mhux xi ħaġa żejda, huwa investiment essenzjali, f’dak li huwa legat għal ħajja aktar sostenibbli għall-Gżejjer tagħna”. Kompliet tgħid li “l-investiment fis-settur kulturali huwa investiment fil-valuri tagħna. Dawn il-valuri huma xhieda b’saħħitha tal-aspirazzjonijiet tagħna, biex tinħoloq utilità soċjali u politika, permezz ta’ edukazzjoni effettiva għall-komunitajiet tagħna; l-implimentazzjoni tal-ġustizzja soċjali; u l-impenn biex jiġu rispettati d-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Dawn huma l-valuri li jagħmlu parti kruċjali mill-Patrimonju Malti, Mediterranju u Ewropew. Valletta 2018 tat viżibilità kbira lil dawn il-valuri.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 spjega kif “il-Belt Valletta kienet mejta, bis-saħħa tal-proġetti ta’ Valletta 2018 irxuxtat b’enerġija kbira li ħa tmexxi l-legat għall-futur isbaħ”.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li “mingħajr il-kultura, l-ibliet ma jistgħux ikunu spazji vibranti u mimlija ħajja; isiru biss ġebel u konkrit, f’riskju li jikkrollaw u jispiċċaw vittmi ta’ degradazzjoni soċjali”. Kompla li “l-kultura tfakkarna fl-umanità tagħna. L-eċċitament, il-meravilja u s-sodisfazzjon li jiġi mill-estetika huma aktar minn oġġetti ta’ lussu li jistgħu jitgawdew biss minn klassi soċjali privileġġata. Kulħadd jixraqlu li jgawdihom. Irridu nsaħħu s-sens ta’ simpatija bejnietna u neliminaw l-egoiżmu.”   

Il-ħolqien ta’ diversi proġetti għar-riġenerazzjoni ekonomika u kulturali ta’ żoni li qabel kienu ġew abbandunati kif ukoll il-ħolqien ta’ proġetti għall-parteċipazzjoni komunitarja, fost oħrajn, huma uħud mill-prattiki kulturali li kapaċi jrawmu belt aktar vibranti u diversa. Dan hu proprju dak li l-Fondazzjoni Valletta 2018 ħadmet tant bis-sħiħ fuqu matul l-aħħar snin. Għalhekk, din is-sena, il-konferenza se tesplora l-wirt tal-Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura, fl-isfond tar-riġenerazzjoni ekonomika, kulturali u soċjali li saret u li għadha qed issir.

Se jiġi analizzat dak li l-Kapitali Ewropea tal-Kultura ħalliet warajha s’issa, kemm lokalment kif ukoll fl-Ewropa, u se jiġi diskuss il-legat li se jitħalla wara din is-sena ta’ attivitajiet kulturali intensiva. Se tingħata ħarsa wkoll lejn dak li jista’ jsir sabiex il-ħajja fil-Belt tibqa’ tittejjeb, anke wara li din ma tibqax Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Id-diskussjoni mhux se titratta biss dwar il-Belt Valletta, iżda se tħares ukoll lejn bliet oħra madwar id-dinja. X’jagħmel belt aħjar? Kif jistgħu jiġu ffurmati l-ibliet biex jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet u x-xewqat tal-individwi u l-komunitajiet li jospitaw?

Se jiġi diskuss ukoll il-kunċett ta’ sostenibbiltà, u se tingħata ħarsa lejn kif jista’ jinħoloq żvilupp ġewwa belt, li jissodisfa l-bżonnijiet tal-ġenerazzjoni preżenti mingħajr ma jinħoloq inkonvenjent għal dik ta’ warajha.

Dawn ir-riflessjonijiet jippermettu fehma akbar tal-impatt fit-tul li se tħalli Valletta 2018.

Numru ta’ kelliema internazzjonali distinti se jitkellmu dwar ix-xogħol li għamlu fl-oqsma kulturali rispettivi tagħhom, bil-għan li jagħtu eżempji differenti ta’ kif jista’ jkompli jsir żvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali ġewwa l-Belt. François Matarasso — ħaddiem akkademiku u komunitarju fil-qasam tal-arti — se jitkellem dwar l-arti parteċipatorja, filwaqt li Justin McGuirk —  kuratur ewlieni fil-Mużew tad-Disinn f’Londra u kritiku tad-disinn għal The Guardian — se jitkellem dwar ir-riġenerazzjoni urbana fl-ibliet u l-effetti tagħha. Pascal Gielen — professur fis-soċjoloġija kulturali fl-Istitut għar-Riċerka tal-Arti f’Antwerp — se jitkellem dwar il-politika kulturali u r-relazzjoni bejn l-arti, il-politika u l-ispazju pubbliku ġewwa l-belt, filwaqt li  Ujju Aggarwal — antropologa kulturali fil-Parsons School of Design — se tkun qed titkellem dwar l-iskejjel pubbliċi u l-impatt li s-sistemi tagħhom iħallu fuq il-bqija tal-komunità.

Il-Konferenza Annwali ta’ Valletta 2018: Sharing the Legacy, hi mifruxa fuq tlett ijiem, bl-aħħar jum tagħha nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ottubru. Din qed isseħħ ġewwa l-Forti Sant’Iermu fil-Belt Valletta.

Għal aktar informazzjoni u biex iżżomm ruħek aġġornat, żur conference.valletta2018.org u segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta