Il-konferenza ta’ Valletta 2018 Living Cities, Liveable Spaces: Placemaking & Identity infetħet aktar kmieni llum miċ-Chairman ta’ Valletta 2018 Jason Micallef u mis-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista fil-Gran Salon tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.
Il-konferenza tiffoka fuq it-temi tal-iżvilupp urban, l-involviment tal-komunità u l-benessri, kif ukoll id-diplomazija kulturali, partikolarmanet fid-dawl ta’ attivitajiet fuq skala kbira, bħall-Kapitali Ewropea tal-Kultura u attivitajiet pubbliċi oħrajn.
Iċ-Chairman ta’ Valletta 2018 Jason Micallef fetaħ il-konferenza billi saħaq “M’għandniex ninħbew wara kliem tqil, iżda għandna nkunu ċerti li qed nibnu bliet ġusti, li jilqgħuk u li jkunu vivaċi.”
“Personalment, noħlom bil-ġurnata fejn inkejlu s-suċċess ta’ belt mhux b’mezzi ekonomiċi, iżda bil-kuntentizza ġenerali taċ-ċittadini tagħha,” kompla jgħid Micallef.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista qal “Ma nistgħux niddependu fuq fora bħal dawn biex is-settur kulturali tagħna jkompli jifjorixxi. Għandna nimpenjaw rwieħna għal aktar investiment fir-riċerka kulturali. Ir-riċerka kulturali mhux biss tippermetti li persuni politiċi bħali jimpenjaw rwieħhom ma’ artisti, iżda tagħtina wkoll stampa aktar ċara dwar id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti, u dwar dak li jridu l-udjenzi minn din l-industrija. Dan huwa l-mod li bih persuni politiċi bħali jistgħu jingħaqdu mal-artisti tagħna u jkunu ta’ għajnuna biex is-settur kulturali jkompli jikber.”
Kelliema ewlenija matul il-konferenza jinkludu lil Prof. Dr Sebastian Olma, teorista ewlieni kritiku u tad-disinn u l-awtur ta’ “In Defence of Serendipity: For a Radical Politics of Innovation”. Il-konferenza se tiġi wkoll indirizzata fost l-oħrajn minn Jaakko Blomberg, attivista urban ibbażat il-Finlandja, Dr Tricia Austin, konsulenta tad-disinn u akkademika is-Central Saint Martins, Dr Marie Briguglio, akkademika u ekonomista fl-Università ta’ Malta u Bjorn Vassallo, id-Direttur tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Membri fil-FIFA.
Il-konferenza se tinkludi wkoll serje ta’ sessjonijiet paralleli, li jippermettu lil riċerkaturi minn madwar id-dinja biex jesploraw il-fenomenu tal-marka tal-post u tal-benessri tal-komunità. Il-Konferenza tibqa’ għaddejja sal-24 ta’ Novembru.