Ir-reġistrazzjoni għall-Valletta 2018 Curatorial School issa tinsab miftuħa. Din tikkonsisti minn programm ta’ lekċers intensivi mifruxa matul ġimgħa li se jinkludi kelliema mistiedna internazzjonali varji minn bosta instituzzjonijiet.
Il-Curatorial School hija maħsuba għal prattikanti u studenti minn bosta oqsma relatati bħall-belle arti, l-edukazzjoni artistika, l-amministrazzjoni artistika, il-kurazija u l-istorja tal-arti.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir fil-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta mit-28 ta’ Awwissu sal-1 ta’ Settembru. Kull min hu interessat jista’ jirreġistra sa nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju billi jżur valletta2018.org/registration/
It-tema tal-Curatorial School ta’ din is-sena hija ir-“Riċerka tal-Prattiki Kuratorjali”. Billi jinġiebu flimkien perspettivi internazzjonali u lokali, il-programm jiffoka fuq riċerka li l-kuraturi tal-arti kontemporanja jinvolvu ruħhom fiha u fuq ir-rwol li għandu l-ħolqien tal-għarfien fil-wirjiet kontemporanji. Il-programm jesplora r-relazzjonijiet bejn il-kurazija, l-għarfien, l-ispeċifità tas-sit u d-dominju pubbliku f’kuntesti internazzjonali u lokali.
Il-programm tal- Curatorial School se jesplora firxa ta’ suġġetti li huma rilevanti ħafna għall-prattikanti u l-istudenti tal-lum. Dawn jinkludu metodi tar-riċerka kuratorjali, il-faċilitazzjoni tal-inkontri bejn is-sistemi tal-għarfien, u l-kurazija bħala tentattiv biex jitnaqqas id-distakk bejn l-azzjoni tal-kunċett, tal-wirja u tal-politika, fost suġġetti oħra relatati.
Il-programm jinkludi workshops interattivi kuljum, li jwasslu għal wirja ta’ ideat fi tmiem il-ġimgħa. Il-parteċipanti jiġu offruti l-opportunità li jirrispondu għal kompiti mogħtija minn kuraturi mistiedna u jirċievu rispons estensiv dwar aspetti tal-kurazija, tar-riċerka, tal-produzzjoni u tal-preżentazzjoni ta’ ideat ġodda. It-temi tal-workshops jinkludu, “Kit tal-Bidu Kuratorjali għar-Riċerka tal-Kwistjoni tal-Arti u d-Demokrazija”, “Modi tal-Kurazija / Il-Kurazija bħala Riċerka,” “Il-kurazija tal-Post u dik Soċjali”, “L-Arti bħala Produzzjoni tad-Dominju Pubbliku,” u “Showtime: Temporalitajiet tal-Wirjiet u l-Kurazija bħala Mod ta’ Mistoqsija Politika u Prattika Kritika.”
Il-Curatorial School huwa proġett tal-Valletta 2018, b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, bħala parti mill-Programm Kulturali.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm tal-Curatorial School, żur valletta2018.org/curatorial-school-2017/