Bejn il-25 u s-27 t’Awwisu se tittella’ l-ħames edizzjoni tal-Karnival tas-Sajf, fil-25 u s-26 t’Awwissu f’San Pawl il-Baħar u fis-27 t’Awwissu f’Marsaskala. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista waqt żjara li għamlu f’uħud mill-imħażen tal-parteċipanti tal-Karnival waqt l-aħħar preparamenti għal dan l-avveniment annwali.
Il-Ministru Bonnici tenna kif sena wara l-oħra l-popolarità ta’ dan il-Karnival fis-Sajf qiegħda kull ma jmur tiżdied dejjem aktar. Tant huwa hekk li din is-sena se jkun hemm ukoll żieda fil-parteċipanti tal-kumpaniji taż-żfin. Dan ikompli jsaħħaħ ir-riżultat miksub f’surveyikkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti li fih il-Karnival irriżulta bħala t-tieni l-aktar attività kulturali li fiha jipparteċipaw in-nies. Il-Ministru Bonnici fakkar il-ħidma li għaddejja fuq il-proġett tal-Karnival, li jkompli juri l-impenn tal-Gvern lejn il-Karnival u b’hekk isostni l-ħidma tal-Gvern sabiex tiżdied il-professjonalità fis-settur kulturali, waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern f’dan il-qasam.
Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista spjega is-sinifikat tal-festa tal-Karnival fil-kalendarju kulturali Malti. Għalkemm storikament assoċjat mal-Kapitali, il-Gvern huwa kommess li jifrex din l-attività ma’ lokalitajiet oħra, bħal ma jiġri fil-Karnival tas-Sajf. Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista fakkar li hekk se jkun ukoll fis-sena fejn il-Belt Valletta tingħata t-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura, fejn għalkemm għajnejn l-Ewropa se jkunu fuq il-Belt Valletta, il-programm ambizzjuż li qed jiġi imħejji se jwiegħed ukoll li s-siparju jinfetaħ fuq lokalitajiet oħra.
Il-Ministru Bonnici u s-Segretartju Parlamentari Debattista rringrazzjaw lid-dilettanti kollha tal-Karnival li qed jgħinu lill-kultura Maltija żżomm din it-tradizzjoni Maltija ħajja, mhux biss bis-sengħa u l-arti tal-karrijiet u ż-żfin imma anke b’attivitajiet tradizzjonali oħra, fosthom il-ġostra.
Il-Karnival tas-Sajf f’San Pawl il-Baħar se jiftaħ fis-6.30 ta’ filgħaxija b’ġostra tradizzjonali ħdejn il-Gillieru (Triq il-Knisja) nhar il-Ġimgħa 25 t’Awwissu, filwaqt li s-Sibt 26, ukoll fis-6.30 ta’ filgħaxija se tiġi organizzata ġostra oħra fl-inħawi tal-lukanda Santana. Fiż-żewġ dati, wara l-ġostra, se ssegwi parata sal-Pjazza ta’ Buġibba. Nhar il-Ħadd 27 t’Awwissu fis-7 ta’ filgħaxija se jibda l-Karnival f’Marsaskala b’parata minn quddiem il-Kunsill Lokali tul ix-xatt ta’ Triq is-Salini. Fil-Karnival tas-Sajf se jipparteċipaw 11-il karru, 10 kumpaniji taż-żfin kif ukoll il-banda ta’ Marsaskala u studenti minn Skolasajf.
Il-Karnival tas-Sajf huwa mtella’ mill-Kunsill Malti għall-Arti bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Valletta 2018, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u l-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ Marsaskala.