Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ser torganizza serje ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni relatati mal-proġett ta’ mapep ta’ spazji kulturali.

Il-proġett ser jiġġenera informazzjoni filwaqt li janalizza l-użu ta’ spazji ta’ natura kulturali. L-għanijiet prinċipali tal-proġett jinkludu (i) l-integrazzjoni ta’ mappa ta’ kull lokalità f’Malta kif ukoll f’Għawdex fis-sistema tal-GIS (Geographic Information System) u (ii) l-analiżi tal-attività kulturali kontemporanja fid-dawl tal-ispazji dokumentati f’dan il-proġett.

L-ewwel fażi tal-proġett, li kienet tinkludi id-dokumentazzjoni tal-postijiet u l-ispazji kulturali permezz tal-GIS, ser tiġi fi tmiemha fil-ġimgħat li ġejjin. Għaldaqstant, il-Fondazzjoni Valletta 2018 ser tkun qiegħda torganizza dawn il-laqgħat sabiex il-pubbliku ġenerali u organizazzjonijiet interessati jikkontribwixxu fil-verifika tal-informazzjoni miġbura mill-Università ta’ Malta. Fit-tieni fażi tal-proġett il-mapep ser jittellgħu fuq is-sit elettroniku tal-Fondazzjoni sabiex il-pubbliku jkollu il-faċilità li juża dawn il-mapep mingħajr ebda ħlas.

Il-pubbliku u organizzazzjonijiet lokali mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tal-kultura, huma mħeġġa sabiex jattendu għal dawn il-laqgħat li ser jikkontribwixxu għal database preċiża dwar l-ispazji u postijiet kulturali. Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ser tilqa’ kummenti tal-pubbliku sa ħmistax (15) –il ġurnata wara kull laqgħa.

Il-laqgħat ta’ konsultazzjoni ser isiru fid-dati u il-postijiet indikati hawn taħt:

Laqgħa 1- Reġjun Nofsinhar        02/10/2014         17:15     Kunsill Lokali Siġġiewi

Laqgħa 2- Reġjun Għawdex         09/10/2014          17:15     ‘Banca Giuratale’, ir-Rabat, Għawdex

Laqgħa 3- Miftuħ għal kulħadd   11/10/2014         09:00      Ċentru Ċiviku Mosta, 3rd Floor

Laqgħa 4- Reġjun Tramuntana    14/10/2014         18:00     Ċentru Ċiviku Mosta, 3rd Floor

& Reġjun Ċentrali

Laqgħa 5- Reġjun Xlokk                 28/10/2014         17:30     Kunsill Lokali Raħal Ġdid- Council Hall

 

Waqt dawn il-laqgħat il-pubbliku ser jiġi pprovdut bl-informazzjoni neċċessarja dwar dawn il-mapep kif ukoll kif jitniżżlu id-dokumenti ta’ konsultazzjoni min fuq is-sit elettroniku tal-Fondazzjoni. Il-Mapep li jagħmlu parti mid-dokumenti ta’ konsultazzjoni, ser ikunu aċċessibli fuq is-sit elettroniku tal-Fondazzjoni Valletta 2018 (www.valletta2018.org) minn nhar il-Ħamis 2 ta’ Ottubru 2014. Il-kummenti tal-pubbliku għandhom jintbgħatu fuq [email protected], titlu ‘Konsultazzjoni Pubblika: Mapep ta’ spazji kulturali’.