L-installazzjoni kontemporanja PROSPETTIVA, li tiċċelebra t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura, ġiet inawgurata il-lejla f’tarf Vjal Ġlormu Cassar, il-Belt Valletta (qrib il Foss ta’ San Ġakbu).

Waqt l-inawgurazzjoni, li saret mill-Prim Ministru Joseph Muscat, Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef qal: “PROSPETTIVA hija installazzjoni moderna li tirrakkonta l-istorja tal-Kapitali Valletta billi tfakkar l-imgħoddi, titkellem fuq il-preżent, u tħares lejn il-futur. Din hija simbolu ta’ kif aħna irridu nagħmlu l-arti aċċessibli għal kulħadd”.

L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiġi ċċelebrat it-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura filwaqt li jesponi l-aqwa disinn Malti kontemporanju, arkitettoniku u arti pubblika fuq pjattaforma, fejn din tkun tista titgawda minn Maltin u barranin li jżuru l-Belt kapitali.

Fl-aħħar sena u nofs, il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħadmet bis-sħiħ flimkien mal-imsieħba tagħha, sabiex ingħaqdu r-riżorsi kollha. B’hekk, il-Kapitali Valletta tiġi ġġenerata f’ċentru ta’ attività eċitanti, u attraenti, li fih tista’ taħdem, tgħix u tiddeverti.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 huwa li jiżdied l-aċċess għall-kultura f’Malta u għalhekk tikber il-parteċipazzjoni u l-imħabba tal-poplu lejn il-kultura. Qed issir ħidma, flimkien mal-organizzazzjonijiet kulturali l-oħrajn kollha, biex l-arti tkun kontinwament preżenti f’ħafna postijiet u f’komunitajiet differenti f’Malta u f’Għawdex.

Sal-2018 l-Fondazzjoni trid tara l-akbar parteċipazzjoni possibbli tan-nies fl-arti u fil-kultura.

Chris Briffa jara l-Belt Valletta bħala kollezzjoni ta’ diversi stili, ta’ saffi ta’ arkitettura li huma xhieda tal-ambizzjonijiet u l-ideali li laqtu din il-Belt. Bieb il-Belt huwa eżempju ċar ta’ dan: Sit ikoniku, minn dejjem kontroversjali, li dan l-aħħar reġa ġie mibdul għall-ħames darba. PROSPETTIVA mhix biss monument, post fejn wieħed iqatta ftit ħin jehda jew jikkontempla, imma hija ukoll prestazzjoni arkitettonika għaliex l-idea tidher biss f’mument preċiż fejn il-biċċiet kollha jingħaqdu f’simbolu tal-erbà bibien preċedenti, magħqudin f’avveniment wieħed.

L-installazzjoni ta’ Chris Briffa Architects ġiet magħżula minn ġurija komposta mill-Professur Richard England, Rupert Cefai u Carlo Schembri.

Photo: Omar Camilleri – DOI