Il-Fondazzjoni Valletta 2018 issellem lil Gabriel Caruana; ġgant tal-arti moderna tas-seklu għoxrin u ċeramista mill-aqwa, li ħalla din id-dinja t-Tnejn filgħaxija fl-eta ta’ 89 sena.

Caruana kien wieħed mill-pijunieri Maltin fil-qasam tal-arti taċ-ċeramika, bix-xogħol tiegħu ispirat minn elementi artistiċi u arkitettoniċi tal-Gżejjer Maltin. Minbarra x-xogħol fiċ-ċeramika, Caruana pproduċa wkoll diversi pitturi u skulturi.

Il-legat ta’ Gabriel Caruana se jibqa’ jiġi mfakkar permezz tal-Fondazzjoni Gabriel Caruana, organizzazzjoni volontarja li taħdem sabiex tippromwovi u tippreserva l-legat artistiku ta’ esponenti tal-arti moderna u kontemporanja, tipprovdi opportunitajiet għal artisti ġodda u tqajjem kuxjenza dwar l-arti moderna u kontemporanja f’Malta u lil hinn minnha.

Ix-xogħol ta’ Caruana ġie esibit f’diversi postijiet madwar id-dinja, inklużi Londra, Munich, Tripli, Iżrael, Melbourne, Osaka u Detroit. Xi xogħlijiet artistiċi tiegħu jinsabu wkoll esibiti b’mod permanenti fil-Mużew Internazzjonali taċ-Ċeramika f’Faenza, il-Whitworth Art Gallery u s-City of Manchester Art Gallery f’Manchester kif ukoll f’MUŻA f’Malta. Ix-xogħol ta’ Caruana se jkun ukoll parti minn Nisġa: Storja Kontemporanja – esibizzjoni ta’ Valletta 2018 li se tiftaħ f’Settembru.

Matul ħajtu Caruana ħadem biex ikkonverta mitħna qadima f’Birkirkara f’ċentru tal-arti u spazju għall-artisti li jixtiequ jesibixxu x-xogħol tagħhom, illum magħruf bħala The Mill Arts, Culture and Crafts Centre Birkirkara. Ix-xogħol tiegħu jinsab esibit hemm b’mod permanenti, flimkien max-xogħol ta’ artisti oħra internazzjonali li jinbidel minn żmien għal żmien.

Caruana ngħata diversi unuri, fosthom Medalja Nazzjonali mill-Gvern ta’ Malta għall-kisbiet artistiċi tiegħu fl-1999, u l-‘Premju Għarfien Kulturali’ mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fl-2003. Fl-2017 ingħata wkoll ‘Master of Letters – Honoris Causa’ Mill-Università ta’ Malta, fejn ġie deskritt mill-perit Prof. Richard England bħala artist li jħares lejn xogħlu b’mod ferrieħi u b’entużjażmu kbir, b’riżultat “inventiv, innovattiv, u sabiħ”.

Caruana kien student tal-Malta School of Art u ta’ skejjel oħra internazzjonali fosthom l-Accademia Pietro Vannucci f’Perugia, School of Arts and Crafts f’Detroit, u l-Istituto Statale per la Ceramica f’Faenza.

Caruana kellu wkoll ħbiberija tajba ma’ Victor Pasmore, artist u perit Ingliż li ħalla impatt fuq l-istorja tal-arti f’pajjiżna. Pasmore kien iddeskriva lil Caruana bħala artist meraviljuż li ma jistax jiġi deskritt b’mod sempliċi, u qal li l-arti tiegħu hi waħda friska, ħielsa u ħajja.

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tinsab iddispjaċuta għat-telfa ta’ wieħed mill-akbar pijunieri ta’ pajjiżna, u tibgħat il-kondoljanzi lill-familjari u l-qraba ta’ Gabriel Caruana f’dan il-mument diffiċli.