Il-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta nedew l-ewwel CD bi tliet xogħlijiet maġġuri tal-kompożitur Malti Charles Camilleri, irrekordjata mid-ditta internazzjonali Naxos.
Il-‘Malta Suite’ ta’ Camilleri, kkunsidrata minn bosta bħala l-emblema mużikali Maltija, se tkun parti mill-kunċert ‘Symphonic Dances’ li l-Orkestra Filarmonika ser tkun qed ittella nhar il-Ħadd 26 ta’ Lulju, fi Pjazza San Ġorġ, fid-9pm. Dan il-kunċert, li huwa miftuħ għall-pubbliku mingħajr ħlas, għandu l-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u jgħamel parti mill-programm tal-Malta International Arts Festival.
Minbarra il-‘Malta Suite’, l-Orkestra Filarmonika ser tesegwixxi ukoll ‘Dances from Galanta’ ta’ Zoltán Kodály u s-‘Symphonic Dances’ ta’ Sergei Rachmaninov, taħt id-direzzjoni ta’ Jean Marc Burfin.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal, “is-CD tan-Naxos b’xogħolijiet ta’ Charles Camilleri hija eżempju ċar tal-kollaborazzjoni bejn entitajiet kulturali pubbliċi, f’dan il-każ bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, u huwa pass importanti ‘l quddiem bħala parti mill-legat kulturali li Valletta 2018 se tħalli warajha”.
Is-Sur Micallef stieden lill-membri tal-pubbliku għall-kunċert f’Pjazza San Ġorġ nhar il-Ħadd u tenna li l-Belt Valletta toffri esperjenza unika għal dawk kollha li jżuruha.
Iċ-Ċermen tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Sigmund Mifsud irrimarka, “ir-recording mid-ditta Naxos hija waħda minn serje ta’ inizjattivi bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Orkestra. Dan il-proġett, u oħrajn li għadhom qed jinħmew, jippromovu ix-xogħol ta’ kompożituri u mużiċisti Maltin filwaqt li jpoġġu lil Malta u lill-Orkestra fuq il-mappa internazzjonali permezz tal-mezzi tad-distribuzzjoni tad-ditta Naxos”.
Is-CD ta’ Charles Camilleri għandha t-titlu ‘Mediterranean’ u tinkludi il-Kunċert għall-Pjanu Nru. 1, interpretat mis-solista Charlene Farrugia, u l-Kunċert għall-Accordion bis-sehem tas-solista Franko Bazac.
Naxos hija waħda mid-ditti ewlenin ta’ mużika klassika u tat definizzjoni ġdida ta’ kif il-mużika klassika tiġi ppreżentata u kkummerċjaliżżata. Permezz ta’ strateġiji innovattivi fl-irrekordjar ta’ reportorju ġdid eċitanti u talent eċċezzjonali, id-ditta żviluppat katalgu ta’ kwalità li dejjem jikber matul iż-żmien. Dan huwa mifrux madwar id-dinja u is-CDs jinbiegħu bi prezzijiet raġonevoli.