L-Aħħar Festa – l-attività uffiċjali tal-għeluq ta’ Valletta 2018 – tinsab għaddejja bħalissa fi Pjazza San Ġorġ. Din l-okkażjoni speċjali timmarka l-qofol ta’ sena verament speċjali mimlija arti u kultura għal kulħadd.

Iċ-ċerimonja uffiċjali tal-għeluq seħħet fil-Belt Valletta fi Pjazza San Ġorġ, fejn iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef għadda t-titlu lill-Kapitali Ewropej tal-Kultura li jmiss, Matera u Plovdiv 2019. Iċ-ċerimonja inkludiet diskorsi minn rappreżentanti ta’ Matera u Plovdiv, u ġiet fi tmiemha b’diskorsi mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista.

“Nistgħu ngħidu li l-2018 kienet l-aktar sena sinifikanti fl-istorja ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mal-kultura, li din is-sena ngħatat prominenza aktar minn qatt qabel,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt id-diskors tal-għeluq tiegħu.

Hu kompla jitkellem dwar kif Valletta 2018 għamlet il-kultura aktar aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment meta wieħed jara li aktar minn 400,000 ruħ attendew għall-avvenimenti tal-Valletta 2018. “Matul din is-sena rajna s-settur kulturali f’pajjiżna jikber mingħajr preċedent. Żidna l-fondi u l-investiment għas-settur kulturali, ħloqna impjiegi ġodda, tajna opportunitajiet lill-artisti u fuq kollox, ressaqna l-kultura eqreb lejn in-nies.”

Fl-għeluq tad-diskors tiegħu, il-Minsitru Bonnici qal li “x-xogħol b’risq il-kultura f’pajjiżna se jibqa’ għaddej, sabiex inkomplu nissudaw din il-pjattaforma li nħolqot matul is-snin u li deċiżament se tħalli legat sod lil ta’ warajna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 spjega kif din kienet sena storika li reġgħet tat il-ħajja lill-Belt Valletta. “Din id-data tista tiġi meqjusa bħala data ta’ rifondazzjoni. Dak kollu li mbeda ser jigi mġedded biex fis-snin li ġejjin il-Belt Valletta tibqa’ tikber mhux fid-daqs iżda fil-glorja tagħha.”
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li “Ħames snin ilu bdejna din l-avventura, biex nibdlu l-preżent u niddisinjaw il-futur tal-kapitali tagħna mill-ġdid. Ridna bis-saħħa li l-Belt Valletta ssir magħrufa madwar id-dinja bħala waħda mill-aktar bliet kulturali innovattivi u ta’ ispirazzjoni biex wieħed iżur”. 
Illum il-Belt Valletta mimlija ħajja. L-enerġija tagħha hija ta’ ispirazzjoni. B’aktar minn 400 attività, irnexxielna noħolqu ċentru kulturali ta’ klassi dinjija sofistikat u li jħajrek, kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin”, kompla jgħid is-Sur Micallef. 
Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod taw sehemhom matul din is-sena, is-Sur Micallef għalaq id-diskors tiegħu billi qal li issa rridu nħarsu lil hinn mill-2018. “Dawn il-proġetti m’huma xejn ħlief żerriegħa li nisperaw li se tkattar aktar frott. Il-ħolqien tal-Valletta Cultural Agency huwa pass lejn din id-direzzjoni.”

L-attivitajiet tal-lum bdew fl-10am, u se jkomplu għaddejjin sa’ nofsillejl. L-attivitajiet inkludew sommarju tas-sena, b’rappreżentazzjonijiet u installazzjonijiet minn uħud mill-proġetti tal-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, li saru madwar it-toroq ewlenin tal-belt.

Diversi membri tal-orkestra taċ-ċittadini Mewġa Mużika ħadu r-riedni minn idejn Ondamarela u daqqew flimkien fi Pjazza Teatru Rjal fl-4.30pm u l-5.30pm, filwaqt li fil-5pm, il-proġett ta’ Valletta 2018 Magna Żmien ipprovda narrattivi viżwali maħluqa permezz ta’ dan il-proġett, u ħoloq interazzjonijiet ma’ Kapsula Merill, il-Magna ta’ Memorji Meraviljużi.

Viżitaturi tal-belt marru bi ħġarhom il-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti ta’ Malta, hekk kif iċċelebra l-ewwel ġurnata miftuħa tiegħu, filwaqt li fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ f’Palazzo Parisio ttellgħet Sempre Viva, installazzjoni ispirata mill-proġett ta’ Valletta 2018 Latitude 36.

It-toroq tal-Belt Valletta inkludew ukoll Memory Wall, Ħajt tal-Memorji, li kien fih proġetti ewlenin mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 interpretati mill-ġdid minn artisti varji f’media diversa. ŻfinMalta u Valletta 2018 ingħaqdu għal rappreżentazzjoni interattiva bl-isem ta’ Ballroom fis-Suq tal-Belt aktar kmieni llum fis-6pm. Ir-rappreżentazzjoni kienet ispirata mill-proġetti outreach Jump u Dance4All.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ bil-lejl, bit-titlu L-Aħħar Festa, se jkomplu għaddejjin b’kunċert speċjali mill-grupp lokali Tribali, li se jkunu qed joħolqu dinja mużikali kalejdoskopika, grazzi għall-ħoss uniku u eklettiku tagħhom, filwaqt li l-kantant/kittieb tal-mużika Ozzy Lino u l-ħsejjes moderni ta’ Brass House Unit għandhom rappreżentazzjoni dinamika ppjanata.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta