L-akbar wirja tal-arti ta’ Valletta 2018 se titnieda fil-bidu tas-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Il-wirja li se tkun f’idejn il-kuratriċi internazzjonali Maren Richter, u li tikkonsisti minn wirja fuq ġewwa kif ukoll minn stallazzjonijiet fi spazji pubbliċi, tesplora r-relazzjoni ta’ Malta mal-eqreb ġar tagħha – il-baħar.
Richter qalet, “Huwa unur kbir għalija li nagħti l-kontribut tiegħi għas-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura f’Malta, Valletta 2018. Din hija opportunità sinifikattiva sabiex wieħed iħares iktar fil-fond lejn l-istat kurrenti tal-belt, ir-reġjun, il-gżira u l-komunitajiet. Din hija ħarsa friska u ġdida lejn l-istorja, il-preżent u l-futur. Il-gżira u l-baħar dejjem kienu sors ta’ ispirazzjoni f’ħafna oqsma u wasslu għall-ħsieb viżjonarju. It-tqarrib ta’ dan kollu lejn l-arti kontemporanja hija missjoni impenjattiva u eċitanti.”
Il-wirja tinkludi xogħol minn artisti kemm internazzjonali if ukoll Maltin u se jkollha interventi f’siti, postijiet u spazji differenti fil-Belt Valletta u madwar il-gżejjer kollha. Bħala kuratriċi ta’ din il-wirja kbira, Richter se tlaqqa’ dawn l-artisti sabiex jinterpretaw il-baħar bħala l-metafora li tgħaqqadhom filwaqt li jħarsu wkoll lejn kunċetti ġeo-politiċi u storiċi fi ħdan kuntesti Maltin u Mediterranji. Dawn ix-xogħlijiet se jistiednu lill-udjenzi sabiex jiskambjaw l-ideat u jerġgħu jimmaġinaw il-kunċett ta’ gżira billi jħarsu lejn il-paradossi u r-rabtiet f’relazzjoni mal-art u l-baħar.
Richter, kuratriċi internazzjonali, ġiet magħżula minn bord ta’ ġurati membri wara sejħa miftuħa maħruġa mill-Fondazzjoni Valletta 2018 f’Marzu 2016. Bħalissa, Richter qed tmexxi l-proġett artistiku ta’ riċerka “Grammar or Urgencies” fi Vjenna. Hija kienet id-direttur artistiku ta’ REGIONALE12 – il-Bjennali tal-Arti Kontemporanja fl-Awstrija. Kienet tmexxi l-proġett kif ukoll il-kuratriċi tal-arti kontemporanja għal Linz 2009, Kapitali Ewropea tal-Kultura. Hija kienet kuratriċi ta’ wirjiet oħra f’bosta pajjiżi fosthom it-Tajwan, il-Ġermanja, il-Belġju u l-Amerka t’Isfel.