Il-Fondazzjoni Valletta 2018 iċċelebrat il-ġurnata Ewropea ddedikata lejn is-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet waqt il-proġett Darba Waħda.

Il-Koordinatur tal-Programm ta’ Valletta 2018 Margerita Pulè tenniet: “Nixtiequ li kulħadd f’Malta u Għawdex ikollu l-opportunità li jipparteċipa fil-proġetti ta’ Valletta 2018. Proġetti bħal Darba Waħda irawmu solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet permezz tal-logħob, il-kreattività u l-immaġinazzjoni”.

Darba Waħda huwa proġett ta’ Valletta 2018 li jtaffi d-distanza ġenerazzjonali bejn it-tfal u l-anzjani permezz tal-irrakkuntar ta’ stejjer, drama, logħob u attivitajiet pjaċevoli oħrajn. Is-sessjonijiet mingħajr ħlas, immexxija minn applied drama practitioner Anna Formosa, huma miftuħa għal tfal li għandhom bejn id-disgħa u t-12-il sena u għall-adulti li għandhom ‘il fuq minn sittin sena li ġejjin minn dawn il-lokalitajiet: Marsaskala, Iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Tas-Sliema, San Ġiljan, Is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ. Is-sessjonijiet ser jibqgħu għaddejjin sa Ġunju u jerġgħu jiftħu f’Ottubru 2016.

Il-koordinatur tal-proġett Anna Formosa qalet: Huwa ta’ preġju kbir li tara parteċipanti żgħar u anzjani sejrin tajjeb u jieħdu gost flimkien. L-anzjani, bi tbissimiet kbar fuq wiċċhom, jgħidu li kieku ma kienx għat-tfal ma jieħdux sehem b’mod attiv fi proġett bħal dan u jkunu ħerqana għas-sessjonijiet minn ġimgħa għall-ġimgħa”.

“F’attivitajiet bħal dawn qed isir ħafna tgħalim ukoll. Uħud mill-parteċipanti jirrakuntaw l-istejjer b’mod meraviljuż u t-tal jisimgħuhom b’interess u ammirazzjoni. Wieħed mill-parteċipanti rrakkonta l-istorja tal-karrozzi tal-linja antiki għax hu stess kien jibni dawn il-vetturi u ġabilhom oġġetti ta’ preġju bħal muniti antiki u ħadida tal-mgħodija li taħdem mingħajr elettriku. L-anzjani jħossuhom importanti fil-grupp u t-tfal jiżviluppaw sens ta’ rispett lejhom,” kompliet Anna Formosa.

Għal aktar informazzjoni, żur www.valletta2018.org jew ibgħat e-mail fuq [email protected].