Valletta 2018, flimkien mal-grupp teatrali Belġjan Laika, tippreżenta Cantina – rappreżentazzjoni bbażata fuq is-sensi tat-togħma u x-xamm tal-ikel tal-udjenza. Se jittellgħu tlett rappreżentazzjonijiet ta’ Cantina f’Ta’Qali, bejn il-Ġimgħa 11 ta’ Mejju u l-Ħadd 13 ta’ Mejju.

Il-grupp Laika hu magħruf għall-mod kif joħloq ‘teatru tas-sensi’, u produzzjonijiet kulinarji immaġinattivi mmirati għal kull min iħaddan sens ta’ meravilja bħal dak tat-tfal. Laika juri kif id-dinja hi mimlija sorpriżi u kif dejjem hemm spazju biex niskopru xi ħaġa ġdida, sew jekk permezz ta’ ideat u emozzjonijiet, u anke jekk permezz tas-sensi bħal m’huma x-xamm, it-togħma u l-kuluri. Laika juri kif id-dinja hi grawnd tal-logħob kbir, lest biex jiġi esplorat.

Ir-rappreżentazzjoni, Saint Joan of the Stockyards ta’ Bertolt Brecht, tinvolvi lill-udjenza b’mod dirett u tistedinha tipparteċipa, permezz tal-mod uniku kif il-grupp Laika juża l-ikel waqt l-ispettaklu sabiex jiffoka fuq temi ta’ klassi soċjali, kapitaliżmu u l-isfidi li dawn iġibu magħhom.

L-ikel li se jitqassam matul is-serata hu kollu veġetarjan. Dan se jiġi ppreparat mill-kokijiet professjonali ta’ Laika, u se jitqassam mill-atturi, kemm dawk Maltin kif ukoll dawk Belġjani.

Ingħaqad mal-kast storbjuż u ferrieħi ta’ Cantina sabiex tgawdi ikel bnin ippreparat bħala parti minn rappreżentazzjoni teatrali. Cantina hija xejn inqas minn disgħin minuta ta’ divertiment, daħq, ikel u xorb – kunċett kulinarju uniku!

Dan il-proġett għandu għal qalbu s-solidarjetà, għalhekk ħaseb ukoll biex jorganizza workshops iddisinjati biex jesploraw varjetà ta’ valuri u tradizzjonijiet marbuta mal-ikel, li l-komuntajiet tagħna għandhom tant għal qalbhom. Il-Maltin li ħadu sehem f’dawn il-workshops li saru fi Frar se jkunu qed jipparteċipaw fir-rappreżentazzjonijiet ta’ Cantina li se jittellgħu fi tmiem il-ġimgħa.

Cantina se tittella’ nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Mejju bejn id-9pm u l-10.30pm, is-Sibt 12 ta’ Mejju bejn id-9pm u l-10.30pm u l-Ħadd 13 ta’ Mejju bejn nofsinhar u s-1.30pm, f’Ta’ Qali (wara t-Teatru Grieg).

Għal biljetti żur tickets.valletta2018.org