Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħabbret il-programm tal-Festa l-Kbira – attività unika fejn l-erba’ festi u ż-żewġ baned tal-Belt Valletta jingħaqdu għall-ewwel darba bħala parti mill-programm Kulturali ta’ Valletta 2018.
Il-Festa l-Kbira ser titella’ bejn l-4 u s-7 ta’ April fil-Belt Valletta u fil-Port il-Kbir.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef tenna, “Din hija tassew okkażjoni speċjali li tgħaqqad flimkien il-komunità tal-Belt Valletta kollha kemm hi kif ukoll dik tal-Kottonera li ser tkun qed tipparteċipa fir-regatta”.
Il-qofol tal-Festa l-Kbira ser ikun is-Sibt 7 ta’ April meta ser isiru purċissjonijiet bl-istatwi titulari ta’ San Pawl, San Duminku, il-Madonna tal-Karmnu u Santu Wistin wara ċelebrazzjonijet reliġjużi fl-erba’ knejjes rispettivi. L-erba’ statwi ser jiltaqgħu fi Pjazza San Ġorġ fejn l-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna ser imexxi t-talb. Wara, l-istatwi akkumpanjati mill-baned, ser jimxu matul Triq ir-Repubblika lejn Bieb il-Belt qabel ikomplu r-rotta lejn il-knejjes rispettivi tagħhom.
Il-Ġimgħa 6 ta’ April, ser jittella’ marċ u kunċert konġunt bejn il-baned King’s Own u La Valette f’Pjazza San Ġorġ.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici sostna, “Il-Baned huma parti mit-tradizzjoni kulturali ta’ pajjiżna u parti integrali minn dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin”. Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali jappoġġja dawn l-għaqdiet b’mod konkret, għaliex jagħraf li l-każini tal-baned huma għaqdiet volontarji li jħaddnu rwol importanti fil-komunitajiet.
Huwa żied li fuq inizjattiva tal-Ministeru permezz ta’ proċess kompetittiv amministrat mill-Kunsill Malti għall-Arti f’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Baned Maltin, is-sena li għaddiet 21 soċjetà mużikali ngħataw għajnuna finanzjarja għal total ta’ €180,000, bl-iskop li l-każini tal-baned ikunu jistgħu jkomplu jikkontribwixxu lejn il-kultura u l-wirt kulturali ta’ pajjiżna. Nemmen li din l-attività se tkun suċċess u wkoll turi għaqda permezz tal-kultura.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista tenna, “Din l-attività hija okkażżjoni eċċellenti fejn il-każini, il-komunità Beltija, residenti, dilettanti tal-festi, u kull min jagħti sehmu kull sena f’waħda mill-erba’ festi ngħata spazju fil-programm kulturali ta’ Valletta 2018. Il-Festa l-Kbira tirrifletti kemm il-programm ta’ Valletta 2018 huwa wieħed inklussiv li ta vuċi mhux biss lill-artisti, iżda anke liċ-ċittadini.”
Bħala parti mill-programm tal-Festa l-Kbira, il-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu ser tiġi kkonsagrata u jiġi wkoll inawgurat pavimentar ġdid.
Tħabbar ukoll li r-regatta li tradizzjonalment issir f’Jum il-Ħelsien ser tkun organizzata waqt il-Festa l-Kbira. Ser titella’ wkoll tellieqa speċjali għal dawk il-parteċipanti ta’l fuq minn 40 sena u ser tiġi ppreżentata Shield ta’ Valletta 2018.
Is-Sur Micallef irringrazzja lill-Arċisqof Scicluna, il-Kurja, Sports Malta, il-pulizija kif ukoll lill-komunitajiet tal-Belt Valletta u l-Kottonera għall-entużjażmu u l-appoġġ tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet.
Il-Festa l-Kbira tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Parroċċa ta’ Porto Salvo u San Duminku, il-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Parroċċa ta’ Santu Wistin, u l-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu. Is-Società Filarmonica Nazionale La Valette u s-Società Filarmonica King’s Own ser jakkumpanjaw lill-vari ta’ San Pawl u San Duminku rispettivament filwaqt li l-Queen Victoria Band taż-Żurrieq ser takkumpanja lill-vara tal-Madonna tal-Karmnu u l-Banda Beland taż-Żejtun ser takkumpanja lill-vara ta’ Santu Wistin.
Ara l-Programm tal-Attivitajiet hawn taħt:
L-Erbgha, 4 t’April 2018
6:00pm Konsagrazzjoni tal-Knisja u inawgurazzjoni tal-pavimentar ġdid ġewwa l-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu
Il-Ġimgħa, 6 t’April 2018
7:30pm Il-Banda King’s Own u l-Banda La Valette jibdew marċ minn Pjazza Ħelsien sa Pjazza San Ġorġ. Il-marċ jasal fil-Pjazza fit-8:30pm
9:00pm Il-Banda King’s Own u l-Banda La Valette jtellgħu kunċert konġunt fi Pjazza San Ġorġ. Kull banda ser ittella’ programm ta’ 40 minuta li jinkludi wkoll xi diskors qasir għall-okkażjoni għal total ta’ 100 minuta
Is-Sibt, 7 t’April 2018
11:45am Regatta fil-Port il-Kbir
4:15pm Preżentazzjoni tal-Valletta 2018 Shield ‘Leġġendi tal-Port il-Kbir’
5:00pm Quddiesa fl-erba’ knejjes involuti
5.45pm L-erba’ baned mistiedna jinġabru quddiem il-knejjes rispettivi sabiex isellmu l-vari titulari waqt il-ħruġ
6.00pm Ħruġ tal-vari titulari
6:50pm Il-vari titulari jibdew jaslu fi Pjazza San Ġorġ
7:35pm Ċelebrazzjoni u mument ta’ talb li jinkorpora l-erbgħa festi flimkien. Din tkun mmexxija minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna
8:00pm Il-vari titulari flimkien mal-baned jibdew triqthom tul Triq ir-Repubblika lejn Bieb il-Belt
9:10pm Il-vari titulari jibdew jaslu fi Pjazza Ħelsien
9:30pm Il-vari titulari jaqbdu r-rotta lura lejn il-Knisja rispettiva
10:45pm Dħul tal-vari titulari fil-knejjes
Programm tar-Regatta – 7 t’April
11:45am Introduzzjoni għall-Programm tar-Regatta fuq il-Palk Ewlieni
11:53am L-ewwel Tellieqa – B Tal-pass x 2
12:00pm Wirja tal-Kanuni mill-Barrakka ta’ Fuq
12:10pm Jibda l-Programm minn Valletta 2018 fil-Valletta Waterfront
12:10pm Jibda l-Programm fl-Isla
12:25pm It-tieni Tellieqa – Open A Tal-Midalji
12:35pm Divertiment għat-Tfal minn Valletta 2018
12:50pm It-Tielet Tellieqa – B Kajjikki
1:00pm Progamm ta’ Valletta 2018 ikompli fil-Valletta Waterfront u fl-Isla
1:20pm Ir-Raba’ Tellieqa – Open A – Frejgatini
1:30pm Programm ta’ Valletta 2018 ikompli fil-Valletta Waterfront u fl-Isla
1:50pm Il-ħames tellieqa – B – Midalji
2:00pm Programm ta’ Valletta 2018 ikompli fil-Valletta Waterfront u fl-Isla
2:10pm Diska Valletta 2018 għat-Tnedija tat-Tellieqa Leġġendi tal-Port
2:15pm Is-Sitt Tellieqa – Tellieqa Valletta 2018 – legends of the Harbour. Tal-pass x 4
2:25pm Programm ta’ Valletta 2018 ikompli fil-Valletta Waterfront u fl-Isla
2:40pm Is-seba’ Tellieqa – Open A – Tal-Pass x 2
2:50pm Programm ta’ Valletta 2018 ikompli fil-Valletta Waterfront u fl-Isla
3:00pm Preżentaturi jagħtu informazzjoni dwar Il-Festa l-Kbira.
3:10pm It-tmien Tellieqa – B – Frejgatini
3:20pm Programm ta’ Valletta 2018 ikompli fil-Valletta Waterfront u fl-Isla
3:40pm Id-disa’ Tellieqa – Open A – Kajjikki
3:50pm Programm ta’ Valletta 2018 ikompli fil-Valletta Waterfront u fl-Isla
4:10pm L-għaxar Tellieqa – B – Tal-Pass x 4
4:20pm Programm ta’ Valletta 2018 ikompli fil-Valletta Waterfront u fl-Isla
4:35pm Il-ħdax il-Tellieqa – Open A – Tal-Pass x 4
4:45pm Riżultati
4:50pm Preżentazzjoni Valletta 2018 Shield u Open A shield u Cat B Shield
5:00pm Għeluq