Valletta 2018, flimkien mal-Valletta Design Cluster, nediet Baħħ Blu / Blue Void; wirja multidixxiplinarja f’żewġ partijiet li se tkun miftuħa għall-pubbliku fil-Barrakka t’Isfel sal-15 ta’ Awissu.

L-esibizzjoni tikkonsisti f’żewġ installazzjonijiet fl-apert; Book in the Sea u Poseidon.

Book in the Sea, l-ewwel installazzjoni f’Baħħ Blu / Blue Void, tgħaqqad teknoloġija marittima mill-aktar avvanzata flimkien mal-proċess tal-kitba tal-letteratura, biex b’hekk toħloq ktieb fil-baħar, fejn il-kliem ta’ poeżija jitla’ ‘l fuq mill-fond tal-Port il-Kbir biex jikkomunika mal-udjenza li tinsab fil-Barrakka t’Isfel. Fil-poeżija, hemm ħafna li ma jintqalx. Dan ifakkar fin-natura dinamika tal-baħar u tal-ħajja tal-bniedem.

Din l-installazzjoni nħolqot mill-artisti Ġappuniżi Atelier OMOYA u Space Production Lab flimkien mal-poeta u artist tal-kotba lokali Glen Calleja.

Poseidon, it-tieni installazzjoni f’Baħħ Blu / Blue Void, hija tentattiv biex titqajjem kuxjenza dwar l-impatt tal-fdalijiet mis-sajd li jitħallew fil-baħar fuq il-ħajja marittima. Għal din l-installazzjoni, inħolqot il-figura ta’ Poseidon, l-alla tal-baħar, permezz ta’ xbieki mormija miġbura matul Kawża Effett – sessjoni ta’ tindif estensiva fiż-żoni kostali Maltin li kienet organizzata f’Ġunju.

Il-figura ta’ Poseidon, trijonfanti iżda bla saħħa waqt li mħabbla fi xbieki u ħbula, tfakkarna li l-annimali tal-baħar inklużi klieb il-baħar, dniefel, foki u fkieren ibatu meta jinqabdu fi xbieki tas-sajd u skart ieħor. Aktar minn 640,000 tunnellata ta’ skart jitħallew fl-ibħra u l-oċeani tagħna kull sena.

Dan ix-xogħol ġie ddisinjat mill-artista lokali Jennings Falzon b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjoni volontarja Healthy Seas u l-imsieħba tagħha Ghost Fishing, Sharklab – Malta, u #Żibel. Poseidon huwa wkoll parti mill-proġett effett t’effett immexxi mill-organizzazzjoni non-governattiva, ACT.

Baħħ Blu / Blue Void huwa organizzat minn Valletta 2018 flimkien mal-Valletta Design Cluster; proġett ta’ Valletta 2018 li jfittex li jiftaħ toroq ġodda għar-riġenerazzjoni urbana ġewwa u madwar il-Belt Valletta. Dan jipprovdi lil prattikanti kulturali u kreattivi bi spazji u opportunitajiet dedikati għal xogħol, tagħlim u kollaborazzjoni, u jippromwovi disinn għall-benefiċċju tal-utent bħala forza li tmexxi l-benessri ekonomiku u soċjali f’Malta.

Għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org u segwi l-paġna tal-Valletta Design Cluster Facebook. Baħħ Blu / Blue Void hija maħluqa minn Atelier OMOYA u Space Production Lab flimkien ma’ bosta artisti oħra, b’kurazija ta’  Glen Calleja, u organizzata mill-Valletta Design Cluster, Valletta 2018 u ACT, b’kollaborazzjoni mal-EU-Japan Fest.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria u Bank of Valletta