Il-Fondazzjoni Valletta 2018 inawgurat proġett ta’ tisbiħ fit-terminal tal-Valletta Cruise Port, li sar minn studenti tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST, matul l-aħħar xhur.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef qal: “Grupp ta’ 40 student li kienu qed jagħmlu degree fil-Graphic Design and Interactive Media, taw interpretazzjoni viżiva tal-espressjoni kulturali f’Malta, f’forma ta’ vjaġġ tul il-mina minn fejn jgħaddu l-passiġġieri. Dawn l-illustrazzjonijiet jimmarkaw is-snin li jwasslu lejn is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018 u se jiġu mgawdija minn eluf ta’ turisti fix-xhur u s-snin li ġejjin”.

Il-mina li tinsab fit-terminal ta’ Forni huwa l-post minn fejn jgħaddu l-passiġġieri tal-cruiseliners mal-wasla tagħhom f’Malta u x-xogħol li sar juri l-espressjoni artistika kontemporanja.

L-istudenti ħadmu fi gruppi biex żviluppaw disinji għat-tul u l-għoli tal-mina. Finalment, ix-xogħol ta’ ħames studenti; Michela Mifsud, Desiree Dimech, Rebecca Barry, Silvio Micallef and Fleur Sciortino, intagħżel bħala l-iktar wieħed li jaqbel mal-funzjonijiet tat-terminal.

 

Dan mhux l-ewwel proġett ta’ kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-MCAST. Il-ħidma mal-Istitut tal-Arti u d-Disinn b’mod partikolari, issaħħet matul l-aħħar xhur wara l-proġett tad-3D projections (architectural mapping), fuq il-faċċata tal-Palazz, fi żmien il-Milied. Dan il-proġett kien l-ewwel eżempju fil-prattika ta’ din il-kollaborazzjoni u se jerġa jsir din is-sena.

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici innota kif dan il-proġett kreattiv u innovattiv ta opportunità unika lill-istudenti u bih kisbu ħiliet prattiċi għad-dinja tax-xogħol. Ix-xogħol huwa frott ta’ sinerġija bejn entità tal-Gvern, il-privat u l-MCAST, fi proġett ta’ tisbiħ fl-ewwel post li jaraw it-turisti meta jaslu fil-port tagħna. Huwa kompla li dan huwa pass importanti minn sensiela biex insebbħu postijiet strateġiċi filwaqt li jsir xogħol ta’ riġenerazzjoni ekonomika mhux biss fil-Belt, imma anke fi bliet u rħula oħra li jgawdu l-Maltin u anke t-turisti.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port Stephen Xuereb tenna li total ta’ 206,437 passiġġieri tal-cruiseliners waslu fil-terminal minn Jannar sa Lulju din is-sena, żieda ta’ 8.7% fuq l-istess perjodu is-sena li għaddiet. Ix-xogħol li sar fil-mina u li jistieden lit-turisti jiskopru l-Belt Valletta, se jtejjeb l-esperjenza tagħhom.

 

Id-Direttur tal-Istitut tal-Arti u d-Disinn fl-MCAST, Stephen Vella, qal li l-benefiċċji tal-proġett immorru ‘l bogħod mill-isbuħija estetika. Il-valur tax-xogħol meta studenti jaħdmu direttament mal-industrija fi proġett li jilħaq jew jeċċedi l-aspettazzjonijiet huwa imprezzabli.  L-MCAST tħares ‘l quddiem biex tibni fuq il-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018, fil-futur qarib.