Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħabbret li ż-żona ta’ wara l-Berġa tal-Baviera fil-Belt Valletta, magħrufa wkoll bħala l-Biċċerija l-Antika, se tingħata nifs ġdid permezz ta’ proġett ta’ riġenerazzjoni estensiv li qed jingħata bidu għalih din is-sena.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef tenna “Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-Kapital Ewropeja tal-Kultura fil-Belt Valletta se tkun qed taħdem fuq inizjattivi li jħallu legat fit-tul u ta’ sustanza. Dan huwa wieħed mill-proġetti prinċipali tal-Valletta 2018, maħsub biex iżewweġ ir-riabilitazzjoni urbana fil-Belt Valletta mal-ħtiġijiet strateġiċi tas-settur kulturali u kreattiv”.

Is-Sur Micallef kompla li l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol fis-settur tad-disinn se jkun qed jiġi konkretizzat permezz tal-Valletta Design Cluster, u dan għandu jħalli impatt anki fuq kif studenti jieħdu deċiżjonijiet marbutin ma’ karrieri kreattivi.

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonniċi sostna, “l-Valletta Design Cluster se jkun qed jindirizza l-prijoritajiet tal-Fondi Strutturali taħt il-programm 2014-2020. Dan il-programm jipprovdi għajnuna sabiex jinħolqu inkubaturi u spazji attrezzati għal industriji kreattivi”.

Il-qasam tad-disinn bħalissa jimpjega mal-1,200 ruħ f’600 intrapriża f’Malta u Għawdex. Il-qafas ta’ għajnuna tal-Valletta Design Cluster se jkun imfassal sabiex il-potenzjal ta’ innovazzjoni u ta’ esportazzjoni jiġi sfruttat aħjar mis-settur privat, b’mod li jiġġenera opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi għal artisti, disinjaturi u professjonijiet oħra kreattivi, speċjalment għaż-żgħażagħ.

c. Chris Mangion

c. Chris Mangion

Il-Ministru Bonnici spjega wkoll li l-Valletta Design Cluster se jkollu wkoll faċilitajiet ta’ residenzi għal artisti u esperti fl-industrija tad-disinn, sabiex l-għajnuna u l-kollaborazzjoni li tinbena mal-intrapriżi kreattivi Maltin tiftaħ opportunitajiet internazzjonali kif ukoll tipprovdi aċċess għal dak kollu li qed isir internazzjonalment f’dan il-qasam.

Il-Professur Richard England ikkonferma kemm spazju bħall-Valletta Design Cluster huwa utli għal intrapriżi ġodda sabiex isibu sostenn u opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni. “Is-saħħa ta’ dan l-ispazju qegħda f’li jlaqqa’ nies kreattivi f’post wieħed fuq bażi regolari, jipprovdi spazju formali u informali ta’ xogħol, diskuzzjoni u kollaborazzjoni, u jipprovdi ambjent stimulanti fejn ideat ġodda jistgħu jinbidlu f’opportunita’ ta’ xogħol u ta’ karriera kreattiva ta’ suċċess,” tenna l-Profs. England.

Caldon Mercieca, Maniġer fid-Direttorat tal-Kultura, li qed imexxi l-proġett, semma kif il-binja prinċipali li qegħda fil-qalba tal-Biċċerija kienet mibnija fis-seklu 17 u ġiet użata għal diversi funzjonijiet matul is-sekli, oriġinarjament bħala biċċerija u aktar riċenti bħala fran u residenzi. Għal dawn l-aħħar snin, pero, din il-binja ġiet abbandunata, u llum tinsab fi stat ta’ telqa u abbandun li jeffettwa negattivament mhux biss l-istat tagħha bħala binja storika, imma wkoll lir-residenti u lin-negozji tal-akkwati.

Is-Sur Mercieca kompla li l-Valletta Design Cluster, entita’ ġdida taħt il-kappa tal-Ministeru tal-Kultura, se jkun qed jieħu f’idejh ir-riabilitazzjoni ta’ din il-binja u l-ħolqien fiha ta’ spazji dedikati għal individwi, kumpaniji u organizzazzjonijiet mis-settur tad-disinn. Il-Cluster se jkun qed joffri għajnuna lil kumpaniji ġodda tad-disinn, u għal dan il-għan diġa’ bena u se jkompli jibni rabtiet tajbin ħafna mal-istituzzjonijiet edukattivi bħall-Universita’ u l-MCAST. Minn dawn l-istituzzjonijiet joħorġu studenti mħarrġa f’aspetti varji tad-disinn li jkunu jistgħu jiftħu l-kumpaniji kreattivi tagħhom bl-għajnuna tal-Valletta Design Cluster.

Matul it-tliet snin li ġejjin, il-Valletta Design Cluster se jkun qed jaħdem mad-Direttorat tar-Restawr sabiex isiru l-interventi neċessarji ta’ restawr u ta’ adattament għall-użu ġdid tal-binja. Dan se jsir b’sensittivita għat-tessut residenzjali u urban taż-żona. Filfatt diġa’ saru numru ta’ laqgħat u workshops li ffukaw fuq l-impatt tal-proġett fuq il-komunita’. L-interventi fiżiċi preliminari fuq il-binja, li għandhom jibdew dan is-sajf, se jikkonsistu fit-tindif sħiħ tal-istruttura u f’miżuri estensivi biex il-binja ma tibqax ta’ periklu.