Il-Fondazzjoni Valletta 2018 dalgħodu tat bidu għall‑VIVA Curatorial School, bħala parti mill-Valletta International Visual Arts Festival (VIVA), li qed jitellà matul din il-ġimgħa.

Iċ‑Ċermen tal‑Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef, qal li “l‑għan ewlieni ta’ Valletta 2018 hu li sservi bħala katalista sabiex tissaħħaħ l‑infrastruttura kulturali, jitkabbru t‑talenti u l‑kreattività u tgħin lill‑artisti, lill‑operaturi u lill‑intrapriżi kreattivi biex jilħqu livelli ogħla f’xogħolhom”.

Din il‑viżjoni hi appoġġjata mill‑Gvern li hu impenjat biex ikompli jiżviluppa s‑settur kulturali u kreattiv bħala l‑aktar aspett dinamiku tal‑Belt u l‑ħajja soċjo‑ekonomika ta’ Malta.

Id‑Direttur Artistiku ta’ VIVA, Raphael Vella, qal: “L-iskola għall-kuraturi hi inizjattiva ġdida f’Malta bil-għan li toffri lill‑istudenti, lill‑artisti, lill‑edukaturi tal‑arti u lill‑kuraturi l‑ġodda l‑opportunità li jiddiskutu u jiddibattu flimkien sabiex jiddeċiedu fejn għandu jiġi esebit ix‑xogħol artistiku f’postijiet pubbliċi jew fi spazji ta’ esebizzjonijiet filwaqt li jaqsmu l‑ideat tagħhom dwar l‑arti u l‑esibizzjonijiet billi jinvolvu ruħhom mal-udjenzi u mudelli pedagoġiċi differenti.”

It‑tema tal‑ewwel edizzjoni tal‑iskola għall-kuraturi hi Curating: Politics, Publics, Pedagogies. Il-partċipanti qed iħarsu lejn kif jitrattaw relazzjonijiet ta’ poter f’wirjiet, prassi soċjali fil-kuratela tal‑arti kontemporanja, mudelli pedagoġiċi alternattivi u prattiċi differenti fil‑mużewijiet. Il‑VIVA Curatorial School qed issir ġewwa il-Kampus tal-Belt, fl‑Università ta’ Malta, fejn qed iseħħ programm intensiv ta’ ġimgħa. Fih qed jipparteċipaw kelliema internazzjonali minn diversi istituzzjonijiet Ewropej. Għal dan il‑programm qed jattendu aktar minn 90 artist u student kemm lokali kif ukoll barrani. Qed jattendu wkoll staff akkademiku tal‑Università ta’ Malta, tal‑MCAST u ta’ Heritage Malta.

Il‑kelliema internazzjonali huma Mieke Bal (teorista kulturali u kritika mill-Amsterdam School for Cultural Analysis, fl-Università ta’ Amsterdam), Maria Lind (direttur, Tensta Konsthall, Stockholm), Marina Wallace (direttur, Artakt u Professur tal-Kuratela, Central Saint Martins, University of the Arts London), Rosie Cooper (kuratur, Liverpool Biennial), Ine Gevers (kuratur freelance and Direttur Artistiku, Foundation Niet Normaal), Kit Hammonds (għalliema tal-kuratela tal-arti komtemporanja, Royal College of Art, London), Pam Meecham (professur fl-Edukazzjoni u l-Istudju  tal-Mużewijiet, l-Istitut tal-Edukazzjoni, l-Università ta’ Londra), Michelle Williams Gamaker (artista vidjografika mir-Renju Unit) u Democracia (grupp ta’ artisti bbażat f’Madrid).

Fl-istess waqt tal-VIVA Curatorial School qed isseħħ il-programm ta’ Kuraturi Residenti fejn tliet kuraturi mill‑Olanda qed iqattgħu ħmistax jiriċerkaw f’Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Leeuwarden 2018, il‑belt li se tospita l‑Kapitali Ewropea tal‑Kultura flimkien mal-Belt Valletta.

Il‑Festival VIVA qed jiġi organizzat miċ‑Ċentru tal‑Kreattività fil‑Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Kunsill Malti għall-Arti, il‑Fondazzjoni Valletta 2018 u l‑Aġenzija Żgħażagħ. Huwa wkoll megħjun mill‑Fakultà tal‑Edukazzjoni fl‑Università ta’ Malta.

Iżjed informazzjoni tinsab fuq is‑sit www.viva.org.mt