Madwar 3,000 pupazz f’forom ta’ annimali differenti, 18-il banda lokali, 360 żeffien, mijiet ta’ persuni minn diversi komunitajiet Maltin u Għawdxin, tfal, anzjani, persuni b’diżabilità u ħafna oħrajn, se joħonqu t-toroq tal-Belt Valletta għal Sfilata fil-Kapitali, nhar is-Sibt 27 ta’ Ottubru mis-2pm ’il quddiem… u int mistieden tingħaqad magħhom!

Dan l-ispettaklu se jinkludi diversi sorpriżi għal dawk preżenti, fil-forma ta’ mużika, żfin, rappreżentazzjonijiet qosra u rakkontar tal-istejjer, bil-parteċipazzjoni ta’ personalitajiet magħrufa fosthom dawk tant popolari ta’ Min Imissu u Klassi Għalina kif ukoll il-grupp taż-żfin Kinetic.

Fis-2pm, ejja fi Pjazza San Ġorġ u ibni l-pupazz tiegħek, u wara, ingħaqad mal-parata u segwi r-rappreżentazzjonijiet fit-toroq! L-ispettaklu se jibqa’ għaddej sat-tard, meta jilħaq il-qofol tiegħu b’festin kbir fi Pjazza Tritoni mid-9.30pm ’il-quddiem.

Dan kollu se jseħħ ġimgħa biss wara ż-żewġ rappreżentazzjonijiet ta’ Mużika-Teatru ta’ Orfeo & Majnun, li se jittellgħu f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi nhar id-19 u l-20 ta’ Ottubru fit-8pm.

Dan tħabbar miċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum.

Orfeo & Majnun hija rappreżentazzjoni teatrali li tgħaqqad żewġ stejjer ta’ mħabba flimkien — il-leġġenda Griega ta’ Orpheus u Eurydice u l-ġrajja Persjana ta’ Layla u Majnun — permezz ta’ diversi forom artistiċi fosthom il-kant, iż-żfin, ir-rakkuntar tal-istejjer, kif ukoll iċ-ċaqliq ta’ pupazzi kbar f’forma ta’ annimali. In-narrazzjoni tinseġ flimkien il-Malti, l-Ingliż u l-Għarbi, filwaqt li l-mużika ta’ Dick van der Harst, Moneim Adwan u Howard Moody, tgħaqqad stili orjentali u oċċidentali.

Il-pupazzi tal-annimali nħolqu waqt workshops li saru matul l-aħħar xhur fi ħdan komunitajiet madwar Malta u Għawdex. Il-pupazzi se janimaw ir-rappreżentazzjonijiet f’Dar il-Mediterran, biex imbagħad joħorġu fit-toroq u l-pjazez ewlenin tal-Belt ġimgħa wara għal Sfilata fil-Kapitali. Waqt din l-attività mill-isbaħ, il-parteċipanti li bnew dawn l-annimali mitiċi se jkunu qed janimawhom u jmexxuhom madwar il-Belt Valletta, akkumpanjati minn diversi baned, mużiċisti, żeffiena, u bosta oħrajn.

Fil-fatt, il-proġett Orfeo & Majnun huwa frott tal-kreattività, il-viżjoni u l-kontribut ta’ diversi komunitajiet minn madwar Malta u Għawdex, fosthom tfal tal-iskejjel, anzjani, għaqdiet tal-baned, sezzjonijiet taż-żgħażagħ fi ħdan dawn l-istess għaqdiet, Scouts, u ħafna oħrajn. Il-workshops kienu, u għadhom, miftuħa għal kulħadd, irrispettivament mil-livell ta’ esperjenza jew abbiltà.

Il-pupazzi, li se jagħtu l-ħajja lir-rappreżentazzjoni teatrali billi joħolqu dellijiet fuq l-isfond tal-palk, huma forma teatrali antika ħafna, bl-għeruq tagħha f’kulturi Asjatiċi. Din il-forma tal-arti antika eventwalment evolviet għal dawk li huma l-films animati diġitali kif nafuhom illum. L-udjenza tista’ tistenna diversi sorpriżi pjaċevoli permezz ta’ dawn il-pupazzi waqt l-ispettaklu f’Dar il-Mediterran!

Orfeo & Majnun titratta t-temi tal-imħabba, it-telf u x-xewqa u tikkontempla l-passat li spiċċa u l-futur li għad irid jasal. Dawn it-temi se jiġu rrakkontati mill-ġdid f’diversi forom minn parteċipanti minn kull mogħdija tal-ħajja, li ilhom jippreparaw għal din ir-rappreżentazzjoni għal diversi xhur, waqt il-workshops li saru. Il-workshops introduċew l-istejjer u t-temi ta’ Orfeo & Majnun lill-komunitajiet parteċipanti, sabiex dawn jiżviluppaw rabtiet mal-proġett li jippermettulhom jipparteċipaw fil-proċess kollaborattiv ta’ ħolqien.

Orfeo & Majnun f’Malta huwa wkoll kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet fl-Ewropa, u fil-fatt, qed jittella’ wkoll f’diversi pajjiżi Ewropej. Kull pajjiż jadatta r-rappreżentazzjoni skont l-elementi kulturali uniċi tiegħu, fosthom il-lingwa. Il-proġett diġà twettaq b’suċċess fil-Belġju u fi Franza f’Ġunju li għadda, u wara Malta, jmiss lil Vjenna fl-Awstrija u Kraków fil-Polonja, li se jwettqu dan il-proġett matul l-2019.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Dr Deo Debattista spjega kif il-lingwa hija ċ-ċavetta tal-kultura, biss il-kultura minn naħa l-oħra hija lingwa universali. Il-messaġġ ta’ Valletta 2018 huwa proprju dwar l-importanza tad-diversita’ fil-kulturi, għalhekk dan l-avveniment ser iwassal bl-aktar mod ċar il-messaġġ ewlieni tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Dawk li jattendu għal Sfilata fil-Kapitali jistgħu jibbenefikaw minn rati speċjali meta jużaw il-mezzi ta’ trasport sostenibbli pprovduti minn Nextbike u Tallinja Bikes. Uża l-kodiċi 863386 meta tikri Nextbike, għal vjaġġ ta’ 60 minuta lejn jew lil hinn mill-Belt bla ħlas. Il-kodiċi tista’ tintuża darbtejn, għal żewġ vjaġġi separati. Is-servizz ta’ Tallinja Bikes se jkun disponibbli wkoll għall-ivvjaġġar ġewwa l-Belt, bi skont ta 50% waqt Sfilata fil-Kapitali. Termini u kundizzjonijiet japplikaw.

Ingħaqad ma’ mijiet ta’ persuni oħra f’din l-attività maġika, nhar id-19 jew l-20 ta’ Ottubru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi għar-rappreżentazzjoni ta’ mużika-teatru, u fis-27 ta’ Ottubru fit-toroq tal-Belt Valletta għal Sfilata fil-Kapitali, mis-2pm ’il quddiem!

Biex tipparteċipa fil-workshops, ibgħat email fuq [email protected].  Żur tickets.valletta2018.org biex takkwista l-biljetti tiegħek għar-rappreżentazzjoni teatrali ta Orfeo & Majnun.

Orfeo & Majnun hu organizzat minn Valletta 2018 bil-kollaborazzjoni ta’ La Monnaie (BEL), Le Festival International d’Art Lyrique d’Aix-en-Provence (FRA), Wiener Konzerthausgesellschaft (AUT), Krakowskie Biuro Festiwalowe (POL), Operadagen Rotterdam (NLD) u Santa Maria da Feira (PRT).

Orfeo & Majnun huwa kofinanzjat mill-Programm Creative Europe tal-Unjoni Ewropea.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta