Valletta 2018 qed tistieden artisti, NGOs, assoċjazzjonijiet kulturali, artisti, mużiċisti, kori, qarrejja tal-istejjer u ċittadini minn kull sfond biex jirreġistraw għal sessjoni ta’ informazzjoni b’xejn dwar kif wieħed jista’ jipparteċipa f’Orfeo and Majnun, wieħed mill-akbar proġetti parteċipatorji tas-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-proġett interdixxiplinari parteċipattiv tal-mużika-teatru li jinkludi workshops, parati u opera fl-2018, jgħaqqad il-miti ta’ Orfeo u Eurydice mal-leġġenda tal-Lvant Nofsani ta’ Leyla u Majnun. Il-produzzjoni tittratta t-temi tal-imħabba, t-telf u x-xewqa u se tkun produzzjoni affaxxinanti mżewqa li tinkludi t-teatru tal-pupazzi tad-dellijiet, biex dawn ir-rakkonti jiġu mwassla b’mod differenti.

Parteċipanti interessati jistgħu jattendu waħda mis-sitt sessjonijiet ta’ informazzjoni li se jkunu qed iseħħu madwar Malta u Għawdex. Is-sessjonijiet ta’ informazzjoni, li se jkunu twal siegħa, se jsiru fid-dati li ġejjin: 28 ta’ Ġunju fis-6pm il-Juventus Domus fiż-Żejtun; 29 ta’ Ġunju fl-10am il-Ħamrun Scouts Group, Ħamrun; 30 ta’ Ġunju fl-10am ir-Razzett tal-Markiz Mallia Tabone, Mosta; 30 ta’ Ġunju fis-6pm il-Birkirkara Local Council Hall, Birkirkara; l-1 ta’ Lulju fl-10am il-Palazzo de La Salle, Valletta; u l-1 ta’ Lulju fis-6pm il-Gozo Visual and Performing Arts School fix-Xewkija, Għawdex.

Kull min hu interessat li jipparteċipa għandu jibgħat email fuq [email protected] sal-Ħamis 22 ta’ Ġunju, u fiha jsemmi liem sessjonijiet ta’ informazzjoni jixtieq jattendi.

Wara s-sessjonijiet tal-informazzjoni, se jsiru workshops li fihom il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jikkollaboraw u joħolqu flimkien ma’ artisti lokali u internazzjonali. Parteċipanti se jagħżlu liem qasam artistiku jixtiequ jaħdmu fih, biex jiżviluppaw l-interpretazzjonijiet tagħhom stess tat-temi tal-imħabba u x-xewqa.

 

Aktar informazzjoni hawnhekk.