AGĦFAS HAWN BIEX TIRREĠISTRA

Fis-6 ta’ Diċembru, se jiġi organizzat simpożju dwar il-Kurazija tal-Ispazju Kliniku.  Dan is-simpożju hu parti mill-proġett ta’ Valletta 2018 ta’ artisti f’residenza fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, bl-isem ta’ Deep Shelter.

Is-simpożju se jsir fis-sala għall-konferenzi tad-Dipartiment tar-Radjuterapija fi ħdan iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, bejn is-2.30pm u l-5.30pm. Se jkun hemm ukoll sessjoni ta’ networking u xi ikel u xorb ħafif sas-7pm.

Is-simpożju se jinkludi taħdita minn Dr Ann Laenen, wirja tad-dokumentarju ta’ Tim Lewis dwar Deep Shelter, diskussjonijiet ma’ Dr Hilary Moss, Dr Benna Chase, Marika Fleri u Pamela Baldacchino, preżentazzjoni tar-residenza għall-artisti internazzjonali minn Angelika Bock u Sergio Muscat, kif ukoll diskussjoni miftuħa għall-udjenza.

Dawk interessati għandhom jirreġistraw billi jżuru valletta2018.org/aħbarijiet/deepsheltersymposium u jagħfsu fuq il-link. Din l-attività hi miftuħa għall-pubbliku però l-postijiet huma limitati.

Il-programm tal-arti maħluq għal Deep Shelter jinkoraġġixxi lill-artisti li ħadu sehem biex jinteraġixxu mal-ispazju fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, kif ukoll mal-ħtiġijiet tal-pazjenti, il-qraba u l-ħaddiema tal-istess ċentru, biex joħolqu pitturi li jagħmlu l-ispazju jidher ftit inqas bħal sptar u aktar personali. Grazzi għal dan il-proġett, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija issa għandu diversi pitturi installati fil-kurituri, u l-kmamar li fihom issir it-terapija, li saru apposta għal dan il-proġett, inkella ġew mogħtija lil dan il-proġett mill-artisti. Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi riflessjoni dwar l-esperjenza tal-mard, l-isptar u l-kura, u r-relazzjoni tagħhom mal-proċess tal-arti viżiva.

Ix-xogħlijiet tal-arti li ngħataw liċ-Ċentru tal-Onkoloġija bħala parti mill-proġett Deep Shelter, ġew inawgurati f’Ottubru.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett ta’ artisti f’residenza Deep Shelter, żur il-paġna ‘Deep Shelter Project’ fuq Facebook.

Il-Proġett Deep Shelter huwa kkurat minn Pamela Baldacchino u organizzat minn Valletta 2018, b’kollaborazzjoni mal-Isptar Mater Dei, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo u l-Università ta’ Malta.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta