Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, l-uniku ballu tal-karnival f’pajjiżna, il-Ballu Tritoni, se jerġa’ lura ġewwa l-qalba tal-Belt Valletta nhar is-Sibt 2 ta’ Marzu, bħala parti mill-Karnival ta’ Malta ta’ din is-sena.
Din l-attività se tittella’ ġewwa Pjazza Tritoni u hija miftuħa għal kulħadd bla ħlas.
L-ispettaklu mistenni jibda bi żfin kompetittiv bil-kostumi għall-ħabta tal-5.30pm, segwit minn mużika live mill-grupp lokali Brass House Unit akkumpanjat mill-artisti J.Anvil u Ozzy Lino. Numru ta’ DJs lokali mbagħad se jagħlqu s-serata bi spettaklu li jibqa’ sejjer sa tard billejl.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li wara l-esperjenza pożittiva tas-sena l-oħra huwa evidenti li n-nies tassew trid dan il-ballu, u għalhekk dan se jerġa’ jsir. Huwa wera wkoll ix-xewqa li dan il-ballu jibqa’ jsir fis-snin li ġejjin, u li jiġu ntrodotti wkoll ballijiet oħra tradizzjonali tal-Karnival f’postijiet storiċi madwar il-Belt Valletta inkluż ġewwa l-mużewijiet, fost l-inizjattivi tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Temm jgħid li mhux biżżejjed li jkollna biss il-mużewijiet ġewwa l-Belt, iżda huwa essenzjali li jkun hemm il-ħajja fihom, u għalhekk jixtieq li attivitajiet bħal dawn isiru fis-snin li ġejjin.
Id-Direttur ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala qalet li permezz ta’ dan il-ballu qed terġa tingħata l-ħajja lil tradizzjoni antika. Ħabbret li apparti l-ballu tradizzjoni se jkun hemm ukoll xi ħaġa ġdida — parata ta’ kostumi taż-żfin ikkuluriti madwar il-Funtana tat-Tritoni minn diversi kumpaniji taż-żfin. Din se ssir fuq sfond ta’ mużika, karrijiet tal-Karnival u ħafna briju. Temmet tgħid li l-Karnival ta’ din is-sena se jkun festa kbira.
Għal aktar informazzjoni dwar Il-Karnival ta’ Malta 2019 u għal programm sħiħ ta’ attivitajiet żur is-sit www.karnivaltamalta.org.
Ballu Tritoni qed jiġi organizzat mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u Festivals Malta.