Bis-sehem ta’ 640 parteċipant li kienu jvarjaw minn artisti, nies tal-loġistika, kumpaniji taż-żfin, għaqdiet sportivi, Kunsilli Lokali, għaqdiet tan-nar, l-In Guardia, il-Banda tal-Korp tal-Pulizija, l-awtoritajiet tal-Port, il-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati, il-Protezzjoni Ċivili u uffiċjali tas-sigurtà, il-Valletta Pageant of the Seas 2018 kienet ta’ suċċess kbir.

L-ispettaklu tal-bieraħ, li beda fil-5.30pm u baqa’ sejjer sal-11pm, kien wieħed mill-akbar proġetti ta’ Valletta 2018, minn programm ta’ aktar minn 400 avveniment matul is sena.

Il-Valletta Pageant of the Seas 2018 paxxiet ’il fuq minn 50,000 ruħ li attendew u fittxew l-aqwa veduta possibli sabiex setgħu jaraw dan l-ispettaklu uniku fil-port.

Sa minn kmieni wara nofsinhar, eluf ta’ nies inġabru max-xatt tal-Belt u l-Kottonera, fuq is-swar u l-fortifikazzjonijiet li jdawru l-Port maestuż sabiex gawdew spettaklu innovattiv li kien jinkludi koreografija marbuta ma’ struttura li tirrappreżenta l-Venere ta’ Malta u żmien il-preistorija ta’ pajjizna.

Bosta akrobati Maltin li tħarrġu għal din l-okkażjoni kienu parti mill-koreografija speċjali fl-istruttura tal-Venere ta’ Malta u ġew imħejjija mill-grupp internazzjonali La Fura Dels Baus.

L-ispettaklu kien jinkludi mużika oriġinali u kor li huma parti minn produzzjoni oħra ta’ Valletta 2018, ‘Aħna Refuġjati’, li se tittella’ f’Awwissu.

Il-Valletta Pageant of the Seas 2018 ġie fi tmiemu b’wirja spettakolari ta’ logħob tan-nar minn diversi bnadi fil-Port il-Kbir, li xegħel il-Belt Valletta f’din l-okkażjoni unika.

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tirringrazzja bil-kbir lil dawk kollha li ħadmu u ħadu sehem u lill-pubbliku Malti u Għawdxi li għal darb’oħra kkonkorra fis-sena 2018 għall-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-Valletta Pageant of the Seas jista’ jkompli jitgawda nhar il-Ħadd 10 ta’ Ġunju fid-9pm fuq TVM 2.