Il-ġimgħa d-dieħla se tkun ġimgħa kbira għall-Belt Valletta f’dak li għandu x’jaqsam mal-mużika, hekk kif żewġ avvenimenti mużikali ewlenin se jsiru fil-Belt bħala parti mill-Programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Il-Kunċert tal-Għaxar Anniversarju ta’ Cliff Zammit Stevens se jsir nhar l-Erbgħa 3 ta’ Ottubru filwaqt li n-Notte Bianca se ssir is-Sibt 6 ta’ Ottubru, bi 33 attività differenti mifruxa fuq medda ta’ madwar 6 sigħat, ħafna minnhom jinvolvu l-mużika.
Dan tħabbar miċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum.
Fit-3 ta’ Ottubru, it-tenur Malti Cliff Zammit Stevens se jiċċelebra l-għaxar anniversarju tal-karriera estensiva tiegħu billi jagħti l-akbar kunċert li qatt ta f’Malta s’issa. Il-kunċert fil-miftuħ, li qed jittella’ bl-appoġġ ta’ Valletta 2018, se jsir fil-qalba tal-belt kapitali ta’ Malta, fi Pjazza San Ġorġ, u jibda fit-8pm. Cliff se jaqsam il-palk mal-istilla lokali, Ira Losco, u se jkun akkumpanjat ukoll mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta mmexxija minn Mro Philip Walsh.
Fost numru ta’ kanzunetti mill-isbaħ li se jindaqqu matul is-serata, Cliff u Ira se jkantaw il-kanzunetta l-ġdida tagħhom, ‘Xemx’. “Il-programm tal-kunċert jikkonsisti f’repertorju vast ħafna, minn mużika klassika sa suċċessi mużikali ‘pop’ tal-aħħar żminijiet”, jispjega Cliff. “Ninsab ferħan li Ira se tingħaqad miegħi bħala l-mistiedna speċjali ta’ din is-sena, u se nkantaw Xemx live fuq il-palk għall-ewwel darba. Żgur li se tkun lejla ta’ mużika, pożittività u għarfien.”
Dan il-kunċert ta’ ċelebrazzjoni vibranti jimmarka wkoll it-tnedija tal-Fondazzjoni Marcy, imwaqqfa minn Cliff biex tfakkar il-memorja ta’ ommu, Marcelline, bl-għan li tipprovdi gwida u appoġġ lil vittmi ta’ vjolenza domestika, abbuż mid-droga, mard mentali, HIV u abbuż fuq it-tfal.
Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn www.showshappening.com. Id-dħul kollu mill-kunċert u mill-kanzunetta “Xemx” se jmur lejn il-Fondazzjoni Marcy.
Tlett ijiem wara l-kunċert ta’ Cliff, l-avveniment annwali tan-Notte Bianca jerġa’ lura fit-toroq tal-Belt, nhar is-Sibt 6 ta’ Ottubru. Din is-sena, l-avveniment se jkun akbar minn qatt qabel hekk kif Il-Belt Valletta qed tiċċelebra t-titlu tagħha ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef qal li din is-sena se jkun hemm xi ħaġa għall-gosti ta’ kulħadd, b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-mużika. Numru ta’ postijiet ikoniċi fil-Belt Valletta, fosthom it-Teatru Manoel, Pjazza San Ġorġ, Pjazza Teatru Rjal, il-Foss tal-Belt, il-Forti Sant’ Iermu u Strada Stretta, se jkunu dedikati għal ġeneri mużikali differenti fosthom il-Folk, il-mużika Etnika, l-Electronic, ir-Reggae, il-Jazz, it-Tango kif ukoll l-istil Burlesque. Rappreżentazzjonijiet mużikali minn diversi kantanti u gruppi magħrufa ma jonqsux, hekk kif din is-sena se naraw il-parteċipazzjoni ta’ Tenishia, Tribali, Emma Muscat, Etnika, Lady Lizard, Beheaded u The Riffs, fost ħafna oħrajn.
Valletta 2018 se jkollha wkoll l-ispazju speċjali tagħha fil-Barrakka ta’ Isfel, bl-isem ta’ ‘Dream Village’. Dan l-ispazju huwa ispirat mill-għaqda bejn il-kulturi tal-Lvant u tal-Punent, il-mitoloġija u t-tradizzjonijiet, u se jagħti togħma tar-rappreżentazzjoni ta’ mużika-teatru ‘Orfeo & Majnun’, (li se ssir fid-19 u fl-20 ta’ Ottubru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta) u Sfilata fil-Kapitali (parata li se ssir fis-27 ta’ Ottubru fit-toroq tal-Belt Valletta). Il-Barrakka ta’ Isfel se tinbidel f’art ta’ fantasija fejn it-tradizzjonijiet lokali huma ppreżentati b’mod ġdid, filwaqt li l-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jiskopru il-ġnien kif ukoll jibnu l-pupazzi fantastiċi tagħhom li jiċċaqilqu. Imżejjen b’dawl maġiku, dan l-ispazju se jospita mużika, festa għat-tfal, films u anke rappreżentazzjoni teatrali ispirata mill-ħolm – Holm Butik. Dan il-villaġġ se jipprovdi nifs ta’ arja friska mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum fil-Belt. Għal aktar informazzjoni dwar Orfeo & Majnun żur valletta2018.org.
Il-Magna tal-Memorji Meraviljużi ta’ Valletta 2018, Magna Żmien, se tkun stazzjonata quddiem il-Qorti matul Notte Bianca. Il-magna li tivvjaġġa fiż-żmien, mibgħuta minn futur imbiegħed biex issalva memorji lokali mid-diżintegrazzjoni, hija mmexxija minn Armchair Voyager Nru. 35 – Wistin. Dan ifittex li jiġbor, jiddiġitizza u jirrilaxxa l-memorji minsija li jinsabu maqbuda f’formati antiki mis-seklu 20, f’ġabriet personali f’Malta u Għawdex. Matul in-Notte Bianca, il-vjaġġatur se jirrakkonta stejjer qodma u ġodda dwar l-importanza tal-kollezzjonijiet awdjoviżivi tal-familja. (Għal aktar informazzjoni żur www.magnazmien.com)
Dawn l-avvenimenti huma biss tnejn minn ħafna oħrajn fil-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 li se jsiru l-ġimgħa d-dieħla u fix-xhur li ġejjin. Biex iżżomm ruħek aġġornat mal-avvenimenti li ġejjin u għal aktar informazzjoni, żur is-sit www.valletta2018.org u ssegwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta