Broken Dreams, parti mill-esibizzjoni fotografika multikulturali ta’ Valletta 2018, A Tale of Two Cities, tiftaħ fl-20 ta’ April fil-Mużew Nazzjonali tal-Posta u l-Hub tal-Arti fil-Belt Valletta.
L-esibizzjoni hija kollezzjoni ta’ ritratti ta’ David Pisani, li ttieħdu f’Ċipru bejn l-2009 u l-2012. L-istampi esibiti huma kollha pprintjati manwalment fuq karta tal-ġelatina tal-fidda mill-fotografu nnifsu. Broken Dreams hija esej fotografika li ma tintesiex faċilment, u titratta dwar il-belt ta’ Nikosija u l-kunflitti fit-Tramuntana ta’ Ċipru, fejn argumenti politiċi li wasslu għall-gwerra tal-1974 għadhom s’issa ma ġewx solvuti. Pisani jiddokumenta l-istat ta’ uġigħ emozzjonali minħabba dawn il-kunflitti permezz tal-fdalijiet ta’ bini abbandunat li juru sinjali li xi darba kien hemm gwerra u attività militari. Pisani jiġbed ritratti ta’ dan il-bini, li fis-skiet ifakkar il-ħolm imkisser ta’ gżira kwieta fil-Mediterran.
Il-kollezzjoni fotografika ġiet esibita fl-2017 bħala parti mill-programm uffiċjali tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura Pafos 2017, u issa se tkun ukoll f’Malta bħala parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018. Ix-xogħol ta’ Pisani ġie wkoll esibit fil-fiera prestiġjuża Biennale of Photography f’Pariġi fl-1996, u huwa wkoll parti mill-kollezzjoni permanenti ta’ arti fil-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Franza.
L-esibizzjoni qed tittella’ fil-Mużew Postali u Arts Hub fi Triq l-Arċisqof il-Belt Valletta, bejn l-20 ta’ April u t-12 ta’ Mejju, 2018, u l-ħinijiet tal-ftuħ huma bejn l-10am u l-4pm. Se ssir ukoll konferenza relatata mas-suġġett u miftuħa għall-pubbliku fl-istess mużew fit-28 ta’ April fil-11am.
Għal iktar informazzjoni żur din il-ħolqa.